ONE - Klassi Għalina - Novembru-Diċembru, 2016




Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programmi ‘Klassi Għalina’ li xxandru fis-6 u t-13 ta’ Novembru, 2016 u 4 u 18 ta’ Diċembru, 2016

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm Klassi Għalina dwar allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta fil-programm tas-6 ta’ Novembru 2016 bejn id-21:00 u l-22:00 ixxandar total ta’ 22 minuta u 19-il sekonda ta’ reklamar, filwaqt li fil-programm tat-13 ta’ Novembru 2016 fl-istess ħin ixxandru 20 minuta u 21 sekonda ta’ reklamar. Sussegwentement fil-programm tal-4 ta’ Diċembru fl-istess ħinijet ixxandar 20 minuta u 12-il sekonda ta’ reklamar filwaqt li fit-18 ta’ Diċembru ixxandar total ta’ 17-il minuta u 45 sekonda ta’ reklamar.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Lulju, 2017, li minn naħa tagħha filwaqt li ammettiet l-akkuża qalet li dawn in-nuqqasijiet kienu jirriżultaw minħabba ċaqlieq fil-batches tar-reklami konsegwenza tal-fatt li f’dak il-ħin l-istazzjon ikun qed ixandar ripetizzjoni tad-diskors tal-Kap tal-Partit Laburista li d-durata tiegħu kienet minn natura tagħha varjabbli u li għalhekk kienet taffettwa l-andament tal-iskeda inkluż ir-reklamar.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u in vista tal-entita tan-nuqqas li kienet sinjifikanti f’dan il-każ qablet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Euro (€1160) fuq l-istazzjon liema penali kellha titħallas ukoll fi żmien xahar mid-data tan-notifika. L-Awtorita’ in oltre wissiet lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali ksur fil-futur.


Illum 24 ta’ Lulju, 2017