ONE - Liquorish - 8 ta' Lulju 2019




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm
Liquorish li xxandar fit-8 ta’ Lulju, 2019


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Liquorish li xxandar fit-8 ta’ Lulju, 2019 fuq ONE fejn ġie allegat Paragrafi 2.2, 2.3 u 2.4 tal-Ħtiġiet dwar ir-Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos meta matul dan il-programm dehru wħud mill-parteċipanti jagħmlu tattoo bil-logo ta’ Liquorish. F’diversi partijiet it-telespettaturi setgħu jaraw deskrizzjoni viżiva u verbali ta’ dak kollu li tinvolvi t-tpinġija. Dan sar minkejja li l-parti inkwistjoni xxandret għall-ħabta tat-20:40:00. Ġa la darba dan it-tip ta’ kontenut ma xxandarx bejn id-21:00:00 u s-06:00:00, dan wassal għal ksur ta’ Paragrafu 2.2 tal-Ħtiġiet dwar ir-Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos (L.S. 350.23). Barra minn hekk, wieħed mill-parteċipanti nħass li għamel dan it-tattoo fuq insistenza ta’ parteċipant ieħor u l-mod kif ġiet ippreżentata din il-parti tal-programm, inkluż ukoll il-kummenti tal-preżentatriċi fl-istudio, komplew taw lok li t-tattwaġġ isir mingħajr kunsiderazzjonijiet ħlief dawk tal-mument u li tkun parti minn tim. Dan seħħ bi ksur ta’ Paragrafu 2.4 tal-Ħtieġiet dwar ir-Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar ta’ Tattoos (L.S.350.23). Aktar minn hekk, ma kien hemm l-ebda referenza li t-tattwaġġ huwa xi ħaġa li tibqa’ u ma tistax titneħħa ħlief b’operazzjoni.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Warren Brimmer f’isem il-produtturi tal-programm, f’seduta li nżammet fil-31 ta’ Lulju, 2019.

Ms Ruth Vella qalet li l-argument jekk wieħed jagħmel jew ma jagħmilx tattwaġġ kienet għażla personali u suġġettiva u ma kienx il-każ li permezz tal-programm saret xi forma ta’ promozzjoni.

Is-Sur Brimmer qal li filwaqt li kien konxju mill-prinċipju li n-nuqqas ta’ għarfien tal-liġi mhix skuża, fil-fatt huwa u t-tim tal-produzzjoni ma kienux jafu bir-regolamenti dwar it-tatwaġġi. Żied li fl-ebda mument ma kien hemm gwadan kummerċjali u li mkien ma saret promozzjoni għal xi provditur tas-servizz partikolari. Dwar it-tatwaġġ li sar fuq parteċipant huwa qal li l-kompitu tal-produzzjoni kien li tagħti highlight ta’ dak li jkun qed jiġri u ma kien hemm l-ebda pressjoni fuq il-parteċipanti.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba fl-aħħar sentejn li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum il-5 ta’ Settembru, 2019