ONE - Malta Tivvota - 30 ta' Mejju 2026





Deċiżjoni għal akkuża fil-konfront ta' ONE Productions Ltd rigward il-programm Malta Tivvota li xxandar fit-30 ta’ Mejju 2026

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża maħruġa mill-Awtorità kontra l-istazzjon ONE nhar it-30 ta’ Mejju 2026. 

Il-Bord organizza smigħ għal nhar it-23 ta’ Lulju 2026 li għalih attendew Dr Ramona Attard bħala r-rappreżentant legali ta’ ONE kif ukoll iċ-Chairperson ta’ ONE Productions Ltd is-Sinjura Ruth Vella. L-Awtorità kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri.

Il-Kap Eżekuttiv qalet li din l-akkuża hija dwar programm li xxandar matul il-jum il-votazzjoni – Malta Tivvota. Spjegat li waqt dan il-programm ixxandar filmat tal-Mexxej tal-Partit Laburista jivvota u wara li tefa’ l-vot tiegħu, ixxandru l-kumment tal-Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Robert Abela.  Dan il-kumment ixxandar darbtejn waqt ix-xandira kollha. Qalet li minħabba f’hekk kien hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-istess Awtorità u li kienet tipprojbixxi kummenti bħal dawn fil-jum tal-votazzjoni. Kompliet li l-istess sar f’ħinjiet differenti rigward kumment miż-żewġ Deputati Mexxejja - Dr Ian Borg u Dr Alex Agius Saliba. Qalet li d-Direttiva hija ċara dwar dan l-aspett li ma jistgħux jixxandru kummenti tal-mexxejja u d-deputati mexxejja tal-partit matul ix-xandira tal-ġurnata tal-votazzjoni. Għaldaqstant kien hemm ksur ta’ Sezzjoni 6 tad-Direttiva.

Għall-ONE, Dr Ramona Attard wieġbet li l-istazzjon jinnota li mhux il-Mexxej tal-Partit Laburista biss għamel kumment iżda wkoll dak tal-Partit Nazzjonalista fuq l-istazzjon NET, u għalhekk dan joħloq bilanċ bejn iz-zewġ stazzjonijiet. Dwar sezzjoni 6 qalet li l-għan tal-artiklu huwa riflessjoni ta’ Artikolu 114 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali li jgħid li f’dak il-jum ma tistax issir influwenza fuq l-elettorat. Qalet li hemm distinzjoni bejn toħroġ tivvota u teżerċita d-dritt tiegħek biex tivvota fi proċess demokratiku minn kummenti li jservu ta’ tħeġġiġ lill-votanti biex jivvutaw partit partikolari.

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.

Il-Bord ikkunsidra s-sottomissjonijiet u ma kellux dubju li mill-qari tal-istess test, jirriżulta ksur tad-Direttiva. Għalhekk il-Bord qed isib lill-istazzjon ħati ta’ ksur tad-Direttiva u qed iwiddeb lill-istazzjon u jordna l-qari ta’ dan is-sunt sa jumejn mid-deċiżjoni matul l-ewwel 3 items tal-bulettin ewlieni tal-aħbarijiet. Stante li l-istess stazzjon qed jinstab ħati dwar it-tieni ksur tad-Direttiva, liema deċiżjoni qed tinħareġ ukoll fl-istess data u ġġib referenza ‘Smigħ 6_26 Akkuża 9’, ukoll matul il-perjodu tal-kampanja elettorali 2026, qed jikkombina s-sunt kif ġej:

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon ONE Productions Ltd ħati ta’ żewġ akkużi, waħda dwar xandira tat-30 ta’ Mejju 2026, u oħra dwar nuqqas ieħor rigward bilanċ politiku matul il-perjodu tal-kampanja elettorali, fejn irriżulta li kien hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. Il-Bord widdeb bil-miktub lill-istazzjon ONE tan-nuqqas ta’ osservanza għall-istess Direttiva u ordnalu wkoll jaqra dan l-istess sunt”

 

Smigħ 6_26 Ilment 8

Ref: 63/01

27 ta’ Lulju 2026