ONE - Matinee - 13 ta' Marzu 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Matinee tat13 ta’ Marzu, 2010 kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif interpretati permezz ta’ ċirkolari 11/09, meta kien hemm assoċjazzjoni evidenti u għalhekk nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-mistednin fl-irkejjen informattivi tal-moda u tat-tisjir u wħud mir-reklami li xxandru waqt il-programm. 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rapprezentat minn Ms Ruth Vella u lill-Produtturi is-Sur Rennie Vella u s-Sur Wayne Aquilina li kkontendew li Jeanelle, il-mistiedna fil-parti informattiva dwar il-moda fil-fatt ma kinitx personalita’ magħrufa.

Żiedu li it-tim tal-produzzjoni kienu joqgħodu ferm attenti sabiex ir-regoli tal-Awtorità jiġu osservati pjenament, b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-provvedimenti f’paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir. 

L-Awtorità iddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkostatat illi l-lingwaġġ użat mill-mistiedna fil-parti dwar moda u ċjoe "... minn ta’ l-aħħar collection li għadha kemm waslet ...", jagħti l-wieħed x’jifhem li din kienet qed tirreferi għal prodotti tagħha.  L-Awtorità nnutat ukoll li Ms Anna Caruana mistiedna fir-rokna tat-tisjir kienet direttament identifikata f’reklam għal Buffet Breakfast fil-lukanda Antonine, li segwa din ir-rokna. 

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twissi lill-istazzjon li minn naħa tiegħu kellu jara li tali nuqqas ma jirrepetix ruħu.