L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Moskito li xxandar fit-23 u t-30 t’Awwissu, 2009 fuq ONE TV kien hemm ksur tal-paragrafi 4, 9 u 20(c) tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u kif ukoll paragrafu 6.2 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fuq programmi li Jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali meta f’xi partijiet tal-programm kien hemm reklamar b’ingann u ma ġietx rispettata d-distinzjoni neċessarja bejn kontenut u element promozzjonali. Minbarra dan, rokna bl-isem ta’ Transfor Me kienet tippreżenta reklamar subliminali.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon u l-produttur u wara li rat il-filmat relattiv kienet tal-fehma illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata peress li l-interventi tas-Sur Norman Hamilton fil-parti dwar l-ivvjaġġar Moskitravel u kif ukoll ir-rokna li trattat l-acrobatic diving fil-Marine Park f’Baħar iċ-Ċagħaq kienu jinkludu kummenti meqjusa promozzjonali, u għalhekk peress li dan il-ksur kien preżenti f’aktar minn edizzjoni waħda tal-programm, iddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164) liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum.