Deċiżjoni għal akkuża fil-konfront ta' ONE Productions Ltd rigward nuqqas ta’ rappreżentanza tal-partiti politiċi li kkontestaw l-elezzjoni ġenerali 2026
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża maħruġa mill-Awtorità kontra l-istazzjon ONE nhar is-16 ta’ Ġunju 2026.
Il-Bord organizza smigħ għal nhar it-23 ta’ Lulju 2026 li għalih attendew Dr Ramona Attard bħala r-rappreżentant legali ta’ ONE kif ukoll iċ-chairperson ta’ ONE Productions Ltd, is-Sinjura Ruth Vella. L-Awtorità kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri.
Il-Kap Eżekuttiv qalet li sar monitoraġġ ta’ tliet programmi li kienu l-uniċi matul il-kampanja u nstab li ma kien hemm ebda rappreżentanza ta’ partit politiku ieħor fejn kien hemm biss rappreżentanti tal-Partit Laburista li jikser sezzjoni 3 (5) u 7 tad-Direttiva.
Dr Ramona Attard wieġbet li apparti dawk il-programmi hemm ukoll l-aħbarijiet li huwa l-iżjed segwit u li matulu kien hemm features fuq partiti politiċi żgħar. Qalet li mhix taqbel li l-istazzjon mhux jaderixxi mad-Direttiva jekk matul l-izjed programm segwit ġew imxandra l-veduti tal-partiti politiċi l-oħra. Semmiet ukoll il-programmi ONE Live u Bil-Fatti jkun hemm waqfiet li jitrattaw l-aħbarijiet. Qalet li spazju lill-partiti l-oħra kien għaldaqstant mogħti. Qalet ukoll li anke fuq l-istazzjon Net TV sar l-istess fejn ġew mistiedna biss ir-rappreżentanti u kandidati tal-Partit Nazzjonalista u għaldaqstant inħoloq bilanċ bejn iż-żewġ stazzjonijiet.
Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.
Il-Bord ikkunsidra s-sottomissjonijiet u ma kellux dubju li mill-qari tal-istess test, jirriżulta ksur tad-Direttiva. Għalhekk il-Bord qed isib lill-istazzjon ħati ta’ ksur tad-Direttiva u filwaqt li qed iwiddeb lill-istazzjon, qed jordna l-qari ta’ dan is-sunt sa jumejn mid-deċiżjoni matul l-ewwel 3 items tal-bulettin ewlieni tal-aħbarijiet. Stante li l-istess stazzjon qed jinstab ħati dwar it-tieni ksur tad-Direttiva, liema deċiżjoni qed tinħareġ ukoll fl-istess data u ġġib referenza ‘Smigħ 6_26 Akkuża 8’, ukoll matul il-perjodu tal-kampanja elettorali 2026, qed jikkombina s-sunt kif ġej:
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon ONE Productions Ltd ħati ta’ żewġ akkużi dwar xandira tat-30 ta’ Mejju 2026 kif ukoll dwar nuqqas ieħor rigward bilanċ politiku matul il-perjodu tal-kampanja elettorali, fejn irriżulta li kien hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. Il-Bord widdeb bil-miktub lill-istazzjon ONE tan-nuqqas ta’ osservanza għall-istess Direttiva u ordnalu wkoll jaqra dan l-istess sunt”
Smigħ 6_26 Ilment 9
Ref: 63/01
27 ta’ Lulju 2026