Deiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm On D Road li xxandar fis-26 ta’ Mejju, 2018
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm On D Road li xxandar fis-26 ta’ Mejju, 2018 fejn ġie allegat ksur Artiklu16M(2)(b) u Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm ixxandar servizz dwar l-iscooter KYMCO PEOPLE S meta l-programm kien sponsorjat minn Gordon’s moto centre bil-caption tal-isponsor turi fost oħrajn il-logo ta’ KYMCO. Dan sar minkejja li l-istazzjon inġibditlu l-attenzjoni permezz ta’ e-mail fuq każ simili b’rabta mal-programm tal-ġimgħa ta’ qabel (is-Sibt 19 ta’ Mejju 2018). Il-fatt li Gordon’s moto centre u l-KYMCO dehru flimkien fl-istess caption card u fl-istess programm ixxandret din ir-review indika li kien hemm rabta kummerċjali u mhux biss il-forniment tal-prodott in kwistjoni. Dan wassal għal ksur ta’ Artiklu 16 (M)(2)(b) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba r-rabta bejn l-isponsor u l-mudell fir-review. Barra minn hekk, it-telespettatur seta’ jinnota li l-persuna li kienet qed tagħmel ir-review, ossia Gordon Micallef, hija wkoll l-isponsor u l-importatur ta’ dan il-mutur. Dan ħareġ ċar, kemm permezz ta’ kummenti bħal “...stajna inġibuh hawnhekk Malta mingħajr visor u mingħajr kaxxa” (18:17:10 - 18:17:26), kif ukoll mill-fatt li l-istess Gordon Micallef kien liebes ilbies bil-logo ta’ Gordon’s moto centre. Il-kontenut ta’ din r-rokna ħoloq assoċjazzjoni bejn Gordon’s moto centre u l-mudell KYMCO PEOPLE S bi ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir. Fl-istess review dehru wkoll scooters oħrajn li saħansitra saret referenza għalihom fl-aħħar tar-review u dan kompla jaċċentwa l-prodotti offruti minn Gordon’s moto centre. In oltre matul din ir-rokna, minkejja d-direzzjoni mogħtija mill-Awtorità fiċ-Ċirkulari 45/07, wieħed seta’ jinnota wkoll li dan ir-review kien ikkaratterizzat biss minn kummenti pożittivi u fl-ebda ħin ma ssemmew l-aspetti negattivi ta’ dan il-mutur.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjura Ruth Vella Micallef, li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u s-Sur Pierre Borg għall-produzzjoni f’seduta li nżammet fit-12 ta’ Ġunju, 2018. Ms Vella Micallef qalet li l-isponsor ta’ Gordon’s moto centre dejjem kien jixxandar f’dan il-programm imma dan kien l-uniku programm fejn ġie ppreżentat mudell ta’ mutur Kymco u għaldaqstant kien sar żball f’dan is-sens li żgur ma kienx intenzjonat. Ms Vella Micallef spjegat li s-Sur Gordon Micallef dejjem kien mistieden f’kull programm u kien jitkellem dwar il-muturi minħabba li kien meqjus bħala wieħed mill-esperti f’dan il-qasam.
Is-Sur Pierre Borg, spjega biex ma jkunx hemm assoċjazzjoni ta’ reklamar is-Sur Gordon Micallef ma kienx jilbes it-T shirt bil-logo ta’ Gordon’s moto centre.
Rigward il-karatteristiċi negattivi tal-mutur, is-Sur Pierre Borġ qal li f’karozza huwa iktar faċli li wieħed isemmi l-karatteristiċi negattivi. Mill-banda l-oħra meta wieħed ikun qed jitkellem dwar mutur huwa iktar diffiċli li dan isir.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u għal darb’oħra saħqet dwar l-importanza li l-esperti li jkunu qed jagħtu reviews ta’ karozzi jew f’dan il-każ tal-muturi għandhom verament ikunu esperti indipendenti. F’dan il-każ l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix it-tali nuqqas.
Illum 12 ta’ Lulju, 2018