Ilment mis-Sur Robert Cutajar
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mis-Sur Robert Cutajar rigwardanti n-nuqqas ta’ xandir ta’ Dritt għal Risposta dwar servizz f’ONE News tal-Ħadd l-1 t’April, 2012, liema servizz kien jirreferi għal kummenti li kien għamel is-Sur Cutajar waqt il-programm Focus 101, fejn kien allegat li dan irrefera għall-kundizzjoni magħrufa bħala Dementia biex attakka lil Partit Laburista.
L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Mark Farrugia u Jonathan Attard li dehru għal ONE News u kif ukoll lis-Sur Robert Cutajar f’seduta li nżammet fl-14 t’April, 2012.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu s-Sur Cutajar filwaqt li rrefera u ta dettalji dwar il-każ qal li l-istazzjon xandar servizz li fih kumment, li kien għamel hu waqt l-analizi tal-editorjal tal-Malta Independent ġie abbinat ma’ kumment ieħor li kien sar mill-Prim Ministru f’okkazzjoni oħra, b’tali mod li ngħatat l-impressjoni żbaljata mill-istazzjon li s-Sur Cutajar kien irrefera għal kundizzjoni biex jattakka l-Partit Laburista.
Is-Sur Cutajar qal li ħass li dan kien servizz sensazzjonali u skorrett u kien imur kontra l-istess kodiċi ta’ etika dwar l-aħbarijiet li kien ippubblika l-Partit Laburista fis-7 t’Ottubru 2008, u kien għal dawn ir-raġunijiet li talab id-dritt ta’ risposta li l-istazzjon naqas milli jxandar.
Minn naħa tiegħu s-Sur Farrugia qal li dak li kien ixxandar fis-servizz kien riproduzzjoni ta’ dak li kien ingħad mill-Prim Ministru u s-Sur Cutajar. Żied li l-istazzjon ma kellux oġġezzjoni li jxandar id-dritt ta’ risposta kif mitlub però dan ma setgħax jagħmlu mill-ewwel peress li fil-bulettini suċċessivi ma kienx hemm spazju.
Is-Sur Farrugia temm jgħid li fil-fatt dan id-dritt għal risposta kien ingħata xi jiem wara u ċioè fit-18 t’April 2012 fil-bulettini ta’ ONE tas-7.30 p.m u tal-11.15 p.m.
Wara li fis-seduta tat-8 ta’ Mejju, 2012 l-informazzjoni tas-Sur Farrugia kienet ikkorraborata, l-Awtorità kkunsidrat li minkejja li l-istazzjon iddikkjara li kien hemm qbil u kien ġie deċiż li dan id-dritt għal rispost jingħata, fil-fatt dan id-dritt kien ixxandar 16-il ġurnata wara li nġibdet l-attenzjoni tal-istess, u dan bi ksur ċar tar-regolamenti dwar dritt ta’ risposta kif elenkati fir-regolamenti rispettivi.
L-Awtorità innutat ukoll li dak li fil-fatt ixxandar ma kienx jirrispekkja b’mod adekwat il-messaġġ li ried iwassal is-Sur Robert Cutajar fir-risposta tiegħu u dan ukoll kien imur kontra d-dispożizzjonijiet fl-imsemmija leġislazzjoni sussidjarja.
In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità qablet li f’dan il-każ l-istazzjon ma osservax il-liġi viġenti, partikolarment meta l’hekk imsejjaħ dritt ta’ risposta xxandar numru konsiderevoli ta’ jiem wara li kienet saret it-talba, madanakollu fl-ewwel lok peress li dan il-każ ma kienx akkuża din ma setgħetx timponi sanzjoni fuq l-istazzjon u fit-tieni lok l-anqas ma kienet tħoss li kien opportun li tordna x-xandir mill-ġdid tar-risposta minħabba l-oltranza taż-żmien.
11 ta’ Mejju, 2012