Ilment minn Dr Natalino Fenech kontra ONE rigward dritt ta' risposta mitlub mill-PBS
F’seduti li nżammu t-Tlieta 8 u 15 ta’ Novembru 2011 l-Awtorita’ semgħet u kkunsidrat ilment imressaq minn Dr Natalino Fenech f’isem il-PBS kontra ONE dwar żewġ każijiet ta’ dritt ta’ risposta rigwardanti rapport imxandar fuq l-istess stazzjon.
Il-PBS ilmenta li ż-żewġ talbiet għal dritt ta’ risposta, rigwardanti żewġ rapporti fuq ONE News datati 15 u 16 ta’ Settembru 2011 rispettivament, dwar deċiżjoni tal-Awtorità u kjarifika tal-istess, ma xxandrux.
L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-istess Awtorita’ titratta ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju u kif ukoll fuq it-televizjoni.
L-Awtorita’ semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, lis-Sur Kurt Farrugia, u lis-Sur Mark Farrugia għall-ONE u l-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech li dehru f’isem il-PBS.
Il-PBS ikkontenda li ż-żewġ ittri bid-Dritt ta’ Risposta mibgħuta lil ONE nhar it-28 ta’ Settembru u l-5 t’Ottubru, 2011 fil-fatt qatt ma kienu mxandra u għalhekk kien qed jitlob lill-Awtorità tiddeċiedi jekk l-ilment kienx ġustifikat, u jekk dan kien il-każ, l-istazzjon jingħata r-rimedju rispettiv.
Minn naħa tagħhom ir-rappreżentanti ta’ ONE ikkontendew li l-kontenut tad-Dritt għal Risposta li kien intbgħat minn Dr Natalino Fenech kien rifless u kopert fit-tieni stqarrija ppubblikata mill-Awtorità tax-Xandir bil-għan li jkunu ċċarati xi ineżattezzi fir-rapport dwar l-imsemmija deċiżjoni fuq ONE News, liema stqarrija kienet ġiet irrapportata fl-intier tagħha mill-istess stazzjon u għalhekk skont l-istazzjon ma’ kienx hemm ħtieġa li dan id-Dritt ta’ Risposta jingħata. Żied li meta l-Awtorità ordnat lill-ONE News sabiex sussegwentement ixandar l-istqarrija korrettorja tagħha, il-PBS kien qed jingħata r-rimedju li talab.
Il-PBS irritjeniet li x-xandir tal-istqarrija tal-Awtorita` ma kienx jissodisfa d-dritt tar-risposta mitluba minnha minħabba li l-punti li għalihom għamel riferenza Dr Natalino Fenech ma kienux l-istess bħal dawk li kienu rikjesti fl-istqarrija tal-Awtorita`.
L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dispożizzjonijiet tal-liġi inkluż dawk rigwardanti ‘Dritt ta’ Risposta’ kif riflessi fl-Avviż Legali 350.14 dwar Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar l-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.
In vista ta’ dan, l-Awtorità qablet li ma setgħetx tilqa’ s-sottomissjoni ta’ ONE li r-raġuni wara d-deċiżjoni tiegħu li ma jxandarx l-imsemmija drittijiet ta’ risposta kienet marbuta mal-fatt li dan kien diġa’ xandar l-istqarrija maħruġa mill-istess Awtorità fl-intier tagħha. L-Awtorità saħqet li stazzjon kellu l-obbligu jxandar Dritt għal Risposta sakemm dan kien jirrispetta pjenament ir-regolamenti tagħha u għaldaqstant fiċ-ċirkostanzi tal-każ iddeċidiet li l-ilment kien ġustifikat.
In vista tal-fatt li dan l-ilment kien ħa numru ta’ ġimgħat biex ikun konkluż, u dan għal raġunijiet mhux fil-kontroll tagħha, l-Awtorità ddeċidiet li f’dan il-każ għalkemm l-ilment tal-PBS kien intlaqa’, ma kienx il-każ li jingħata rimedju.