ONE - One News - 16 t’Ottubru, 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar ONE News li xxandar fis-16 t’Ottubru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.6 tal-Avviż Legali 350.14 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u kif ukoll Paragrafi 3.2 u 3.2.1 tal-Avviż Legali 350.16 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar kif għandhom ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Matthew Carbone li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu ikkontenda li fil-fehma tiegħu is-servizz inkluż il-close-ups ma’ kienux eċċessivi u jiksru l-privatezza ta’ dawk preżenti. Żied li kien iħoss li f’din l-okkazzjoni partikolari l-istazzjon kien konservattiv minkejja li dan il-funeral kien meqjus mill-istazzjon fuq l-istess livell ta’ wieħed nazzjonali. Is-Sur Carbone qal li sa dakinhar ħadd mill-familjari ma kien oġġezzjona. Dan kien jindika li dak li fil-fatt ixxandar kien aċċettabbli.

L-Awtorità ddiskutiet fit-tul din l-akkuża u għalkemm apprezzat il-fatt li f’ċirkostanzi simili (traġiċi) il-linja ta’ demarkazzjoni bejn ir-rapport ġurnalistiku bbażat fuq il-valur tal-aħbar u r-rispett lejn il-privatezza kienet waħda sottili u suġġettiva, xorta waħda kien hemm elementi li b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu eċċess u, rriteniet li close-ups fuq persuni fi stat emozzjonalment diffiċli kellhom ikunu evitati u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-istess individwi.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex issib ħtija kontra l-istazzjon, madankollu riedet tieħu din l-opportunità biex tinforma lill-istazzjon li filwaqt li din bl-ebda mod ma riedet tiftiehem li qed iżżomm lil xi stazzjon milli jirraporta traġedji u/jew funerali, riedet tfakkar fil-ħtieġa ta’ osservanza ta’ sensittività ta’ dawn il-każi u tal-obbligi li joħorġu mill-Ligi tax-Xandir dwar rapportaġġ ta’ avvenimenti simili, partikolarment dawk li joħorġu minn klawsoli 2.2, 2.3, kif ukoll 3.1, 3.2, 3.2.1, 3.2.4 tal-Avviż Legali 360.16.

L-Awtorità saħqet li kienet ser tibqa’ tkun viġilanti dwar l-osservanza ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-istazzjonijiet.