One - One News - 19 ta' Novembru 2020




Deċiżjoni dwar ilment mis-Sur Christian Peregin, CEO LovinMalta, kontra rapurtaġġ li xxandar fuq ONE News fid-19 ta’ Novembru 2020.

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn LovinMalta kontra ONE rigward item li xxandret fl-aħbarijiet tal-ONE tad-19 ta’ Novembru 2020.  Dan ir-rapport tratta ir-rapurtaġġ tas-sentenza tal-Qorti fir-rigward ta’ sekwestru tal-ġurnalisti u premijiet mogħtija mill-Istitut tal-Ġurnalisti.

L-Awtorità semgħet lis-sur Christian Peregin li ressaq l-ilment u lis-Sur Edward Montebello, Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE li deher f’isem u in rappreżentanza għal ONE u li kien akkumpanjat minn Dr Jonathan Attard. Dawn attendew għas-seduta b’mod virtwali li nżammet fis-7 ta’ Jannar 2021.

Is-Sur Peregin li kkontenda li r-rapurtaġġ ta’ din l-aħbar ma kienx imparzjali.  Qal li kien hemm l-impressjoni li l-każ kien qed jiġi ddefendut mill-ġurnalisti infushom u l-prosekuzzjoni li saret min-naħa tal-pulizija ma ssemmew xejn f’din l-istorja. Is-Sur Peregin qal li fil-fatt l-kelma ‘pulizija’ qatt ma ssemmiet u fil-fatt fis-sentenza l-Maġistrat qal li l-pulizija naqset milli tipprova l-każ. 

Qal ukoll li l-IGM kienet ħarġet stqarrija b’referenza għas-sentenza tal-Qorti fil-kuntest li l-pulizija ma kinux għamlu xogħolhom sew iżda din l-istqarrija ma kinitx ġiet irrapurtata fir-rapport tal-ONE.  Qal li l-aħbarijiet ta’ ONE tefa’ sentenza dubjuża u ‘problematika’ fir-rapport meta ġie rrapurtat “f’dik li tista’ tiġi interpretata bħala ċanfira u ċamata li l-midja li ssejjaħ lilha innifisha bħala indipendenti ...”.

Min-naħa tal-ONE, Dr Jonathan Attard li deher f’isem il-ONE qal li jekk wieħed jaqbad is-servizz fl-intier tiegħu jara li mhemm xejn li mhuwiex fattwalment korrett.  Qal li l-ebda kamra tal-aħbarijiet ma tirraporta kull stqarrija li toħroġ u ma jistax ikun li wara li l-Qorti toħroġ sentenza, il-Kamra tal-Aħbaijiet tieħu l-opinjoni u l-kummenti ta’ min jagħmel l-osservazzonijiet tiegħu fuq is-sentenza tal-Qorti.   Dan b’referenza għall-istqarrija tal-IGM li ssemmiet mis-Sur Peregin. 

Rigward il-frażi ta’ media indipendenti, Dr Attard qal li ma jaħsibx li s-Sur Peregin ħassu inġurjat għaliex kieku kien il-każ seta’ jagħmel libell u lanqas ma talab għal dritt ta’ risposta, liema dritt fil-fatt joħroġ mil-liġi.  Qal li ma kellux iħossu aggravat għaliex fil-fatt hekk jiddeskrivu lilhom infushom.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva. 

Saret diskussjoni mill-Awtorità dwar dan il-każ u l-maġġoranza tal-Awtorità kienet tal-fehma li dan l-ilment jiġi miċħud.  Għaldaqstant l-Awtorità ddeċidiet li l-ilment mhuwiex sodisfaċatament ippruvat u għandu jiġi miċħud. Il-board ħa konjizzjoni ta’ dak li qal is-Sur Peregin, jiġifieri li dan għandu fiduċja fil-board tal-Awtorità u fil-fatt talab li l-ilment ikompli jinstema’.

 

                                                                        20 ta’ Jannar 2021