ONE - One News - 20 u 22 ta' Diċembru 2009




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fl-20 u t-22 ta’ Diċembru, 2009 ONE News kien kiser il-povvedimenti f’paragrafi 4.1, 4.7, 4.8 u 4.9 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti meta kien hemm taħlita ta’ fatti u kummenti editorjali waqt bulletin tal-Aħbarijiet.

L-Awtorità trattat dan l-ilment f’seduta li nżammet fis-16 ta’ Frar u wara li semgħet ir-rappreżentazzjonijiet tal-partijiet in kwistjoni, l-Awtorità ddeċidiet li, waqt li f’dan l-istadju ma kellhiex għalfejn tipproċedi b’dawn l-akkużi, kellha twassal b’mod enfatiku lid-diriġenti taż-żewġ stazzjonijiet politiċi l-messaġġ segwenti:

• li l-Awtorità, permezz tal-Kap Eżekuttiv tagħha kienet bi ħsiebha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tinforza b’mod raġonevoli il-Ħtiġijiet dwar   Standards u Prattika applikabbli għall-Bullettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Grajjiet Kurrenti (L.S. 350.14)

• b’mod partikolari, fejn jirriżulta li jkun hemm ksur tal-provvedimenti ta’ dawn il-Ħtiġijiet dwar:

  (i) l-etika ġurnalistika    
  (ii) il-ħtieġa li l-fatti dejjem għandhom ikunu korretti
  (iii) il-ħtieġa li l-aħbar tinżamm separata mill-kumment, b’tali mod li t-telespettatur ikun jista’ jifhem b’mod ċar dik li hi l-aħbar u dak li hu l-kumment

l-Awtorità m’għandha l-ebda ħsieb li tagħmel xi kompromessi u għalhekk, fejn l-akkużi jkunu ġew ippruvati, tgħaddi sabiex timponi l-multa relattiva:

• sabiex tkun tista’ tiffaċilita s-smigħ ta’ akkużi dwar nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-aħbar u l-kumment, l-Awtorità trid tiċċara li:

a) fid-dokument tal-akkuża se tibda tindika b’mod speċifiku fejn, fl-opinjoni tagħha, il-kumment ikun tħallat mal-aħbar

b) kummenti li jkunu ġew attribwiti lil sorsi li ma jkunux ġew identifikati m’għandhomx, għall-iskop ta’ dawn il-Ħtiġijiet, jitqiesu bħala parti mill-aħbar, iżda bħala kumment, u għalhekk għandhom jinżammu separati mill-aħbar

c) l-Awtorità, waqt is-smigħ tal-akkuża, tkun lesta tisma’ numru raġonevoli ta’ xhieda li jkun jixtieq itella’ l-istazzjon sakemm dawn ix-xhieda ikun relevanti għall-każ in kwistjoni. Fejn ix-xhud għal xi raġuni jew oħra ma jitfaċċax, l-Awtorità tkompli tisma’ l-każ u mhux bi ħsiebha tħalli din l-assenza ttawwal il-proċeduri in kwistjoni.