ONE - One News - 25 ta' Jannar 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-25 ta’ Jannar 2010, ONE News kien kiser il-provvedimenti f’paragrafi 13.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti meta xandar silta minn intervista telefonika mal-Avukat Victor Scerri meta dan ma ġiex infurmat li t-telefonata kienet qed tiġi reġistrata u ma kienx ta l-kunsens tiegħu biex din tkun tista’ tixxandar.

L-Awtorità, filwaqt li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet, u rat iċ-ċirkostanzi tal-każ ddeċidiet li mingħajr ma’ tidħol fil-mertu tal-istorja/aħbar li xxandret, ai termini tal-imsemmija provvedimenti l-ġurnalista kellha l-obbligu li tinforma lill-Avukat Scerri li kienet ser tirreġistra t-telefonata u sussegwentement titlob il-kunsens tiegħu sabiex din tixxandar u fin-nuqqas ta’ dan, il-kummenti ma kellhomx jixxandru, proċedura li l-ġurnalista ma segwietx. In oltre, hekk kif irriżulta mit-trattazzjoni tal-partijiet, l-Avukat Scerri kien diġà indika b’mod ċar, d-dissens tiegħu għar-reġistrazzjoni, f’telefonata preċedenti u għalhekk l-istazzjon kien obbligat jirrispetta din id-deċiżjoni.

l-Awtorità kienet pjenament konxja mid-diskrezzjoni li kellu jgawdi stazzjon fl-għażla tal-aħbar, madanakollu kienet tħoss li kien hemm aspetti etiċi li kellhom jiġu rispettati u salvagwardjati u dan kien proprju wieħed mill- għanijiet li għalihom kienu saru dawn ir-regolamenti.

Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità iddeċidiet illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u l-istazzjon kellu jeħel il-penali rispettiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164).