Deċiżjoni dwar ilment mis-Sur Christian Peregin, CEO LovinMalta, kontra rapurtaġġ li xxandar fuq ONE News fis-26 ta’ Novembru 2020
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mis-Sur Christian Peregin mil-LovinMalta kontra ONE News rigward rapport li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet tas-26 ta’ Novembru 2020. F’dan il-bulettin ixxandar servizz dwar rapurtaġġ li kien jirreferi għal rapport li deher fuq LovinMalta iżda li rraporta l-verżjoni tal-Ministru Edward Żammit Lewis rigward btala li hu u l-familja tiegħu kellhom flimkien ma’ Dr Joseph Muscat u l-familja fi Franza.
L-Awtorità semgħet lis-sur Christian Peregin li ressaq l-ilment u lis-Sur Edward Montebello, Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE li deher f’isem u in rappreżentanza għal ONE u li kien akkumpanjat minn Dr Jonathan Attard. Dawn attendew għal-laqgħa b’mod virtwali.
Is-Sur Christian Peregin qal li ONE News għamlu storja fuq dak li qalilhom Dr Edward Żammit Lewis b’reazzjoni għar-rapport li deher fuq LovinMalta rigward il-btala li għamel flimkien ma’ Dr Jospeh Muscat fi Franza. Is-Sur Christian Peregin qal li l-punt tal-istorja kollha ma kienx jekk dawn it-tnejn kinux marru btala u meta marru din il-btala iżda f’liema akkomodazzjoni kienu qagħdu matul din il-btala.
Is-Sur Christian Peregin ċaħad ukoll dak li rraporta ONE News li bl-istorja tagħhom fuq LovinMalta kienu qed jagħmlu assassinju tal-karattru, f’dan il-każ assasinnju tal-karattru ta’ Dr Żammit Lewis. Is-Sur Peregin saħaq li bħala punt ta’ prinċipju, x-xandir f’Malta għandu jkun imparzjali u qal li ONE News għażlu li jieħdu punt mill-istorja ta’ LovinMalta iżda ma tawhomx l-opportunità li jirrispondu għall-allegazzjoni li saret fir-rapport ta’ ONE News.
Min-naħa tiegħu, Dr Jonathan Attard f’isem il-ONE iċċara wkoll li ONE News kien għamel rapurtaġġ fuq kummenti ta’ Dr Żammit Lewis u Dr Joseph Muscat dwar dak li deher fuq LovinMalta.
Dr Jonathan Attard, qal ukoll li s-Sur Christian Peregin qatt ma talab għal dritt ta’ risposta ai termini tal-liġi u għalhekk mhux ġust li qal li dan id-dritt ta’ risposta ma ingħatax. Dr Attard qal ukoll li kieku l-kummenti kienu serji u inġurjużi kontra LovinMalta, kieku s-Sur Peregin kien anke jeżerċita libell fil-konfront tal-awtur u tal-istazzjon.
Is-Sur Peregin innota wkoll li diġa kienet problematika l-fatt li l-membri tal-Awtorità huma appuntati minn partiti politiċi iżda wieġeb li m’għandux oġġezzjoni li l-Awtorità tisma’ l-ilment tiegħu u allura tiddeċiedi fuqu.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva. Il-board ħa konjizzjoni ta’ dak li qal is-Sur Peregin, jiġifieri li dan għandu fiduċja fil-board tal-Awtorità u fil-fatt talab li l-ilment ikompli jinstema’.L-Awtorità tħoss li ma kienx hemm każ ta’ nuqqas ta’ imparzjalità u lanqas li r-rapport ta’ ONE News dawwar b’xi mod il-kliem. Għaldaqstant l-Awtorità ddeċidiet li l-ilment ma ġiex sodisfaċentament ippruvat u għaldaqstant ġie miċħud.
20 ta’ Jannar 2021