ONE - One News - 31 ta' Mejju 2010




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment, datat 11 ta’ Ġunju, 2010, mill-Partit Nazzjonalista kontra ONE News, liema ilment kien jikkonċerna aħbar imxandra minn One News fl-aħbarijiet tas-7.30p.m tal-31 ta’ Mejju, 2010 dwar il-proċess ta’ tender tas-SuperYachts fit-tarzna u fejn kien ġie rappurtat illi Dr Paul Borg Olivier kien infurmat b’allegat korruzzjoni fl-istess proċess. Il-Partit Nazzjonalista ikkontenda illi dan is-servizz naqas li jagħti l-verżjoni tal-istess Segretarju Ġenerali tal-PN li kien ċaħad din l-allegazzjoni mal-istess ġurnalista ta’ ONE News.

L-Awtorità rat it-traskrizzjonijiet tal-items tal-aħbarijiet relattivi u kif ukoll is-sottomissjonijiet tal-partijiet konċernati u ddeċidiet li, mingħajr ma tidħol fil-merti tal-kontenut tal-aħbar in kwistjoni, ai termini tal-Liġi tax-Xandir u tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għall-bulettin tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, ONE TV kellu l-obbligu li jxandar id-dritt ta’ risposta b’konformità mal-istess Ħtiġijiet kif mitlub mill-Partit Nazzjonalista. Għalhekk l-Awtorità, ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, ordnat u iddiriġiet lil One News jaqra d-dritt ta’ risposta hekk kif anness.

Dritt ta’ Risposta li għandu jinqara fit-totalità tiegħu kif indikat.

“Fil-31 ta’ Mejju li għadda One News kien xandar aħbar dwar l-investigazzjoni li kienet qed tagħmel il-Pulizija rigward allegazzjonijiet ta’ tixħim fil-bejgħ tal-faċilità tal-jottijiet tat-tarzna. L-aħbar kienet sostniet li Dr Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet. B’direttiva tal-Awtorità tax-Xandir qed inxandru dritt ta’ risposta mitlub mill-Partit Nazzjonalista.

One News naqas milli jgħid il-fatti kollha meta fit-tieni servizz tal-31 ta’ Mejju 2010 b’rabta mal-proċess ta’ tender tas-SuperYachts, ONE News ma rrappurtax dak li qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’intervista li ta lill-Krista Caruana ta’ ONE News stess u li kienet l-istess ġurnalista li għamlet is-servizz tal-aħbarijiet. F’din l-intervista ma’ ONE News Paul Borg Olivier qal li huwa qatt ma kellu informazzjoni dwar allegazzjoni ta’ korruzzjoni. Għalhekk, kull xniegħa li qed ixandar ONE News li huwa b’xi mod kien jaf b’din l-informazzjoni hija skorretta.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kien rappurtat jgħid ukoll li wara li l-aħbarijiet tat-23 ta’ Mejju 2010 ONE News identifikah viżwalment, mingħajr ma jissemma ismu, li hu kien l-uffiċjal għoli tal-Partit Nazzjonalista li rrifera għalih il-Kap tal-Oppożizzjoni, ħass li kien prudenti jmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex jiċħad din l-allegazzjoni.”