ONE - One Night Stand - 19 ta' Novembru 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm One Night Stand li xxandar fid-19 ta’ Novembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M (3)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon kellu diversi istanzi fejn kien hemm aċċenn eċċessiv fuq il-prodotti fl-ambitu ta’ product placement.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur Owen Bonnici għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Frar, 2014.

Il-Kap Eżekuttiv qal li s-serje ta’ programmi in eżami huma meqjusa Light Entertainment u għaldaqstant l-inklużjoni ta’ product placement hija permissibbli, madanakollu fl-edizzjoni indikata fl-akkuża kien hemm wisq prominenza għall-oġġetti li kienu esebiti bħala parti mis-set, fejn f’xi każi dawn jiġu nkwadrati diversi drabi mingħajr ħtieġa.  Żied li dan l-aġir imur kontra l-ispirtu ta’ product placement kif rifless fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja u konsegwentement fl-Att dwar ix-Xandir.

Minn naħa tagħha s-Sinjura Vella Micallef qalet li sa mill-bidu tas-sensiela kien hemm kuntatt ma’ uffiċċjali tal-Awtorità bil-għan li dan il-programm isegwi u josserva b’mod rett il-provvedimenti tal-liġi u dan juri li l-istazzjon ma kellu l-ebda intenzjoni li jmur kontra l-liġi.

Is-Sur Owen Bonnici filwaqt li kkonferma s-sottomissjoni tal-istazzjon, qal li minn naħa tal-produzzjoni, kif sar fil-passat kien ser jibqa’ jsir kull sforz sabiex l-imsemmija provvedimenti jiġu mħarsa u osservati b’mod sħiħ.  Żied li in vista ta’ dan il-każ kien ser jagħmel kuntatt minnufiħ mal-uffiċjali tal-Awtorità sabiex ikunu rettifikati n-nuqqasijiet indikati fl-akkuża. 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

Illum 17 ta’ Frar, 2014