Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm
Perfect Match li xxandar fis-7 ta’ Novembru, 2018
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programm ‘Perfect Match’ li xxandar fis-7 ta’ Novembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16L(1)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm l-irkejjen informattivi ma’ Mark Pace, Clayton Zahra u Dianne Josephine affetwaw l-indipendenza editorjali tal-programm minħabba li dawn il-persuni mistiedna kienu wkoll l-isponsors ewlenin tal-programm. Infatti fl-irkejjen tagħhom dawn il-mistednin taw biss informazzjoni inkonnessjoni mas-servizzi u/jew il-prodotti offruti minnhom stess u b’assoċjazzjoni mal-interessi kummerċjali tagħhom.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Micallef f’isem l-istazzjon li kienet akkumpanjata minn Ms Andreana Debattista u Ms Melanie Kelly għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Frar, 2019. Minn naħa tagħha Ms Debattista filwaqt li ammettiet l-akkuża u talbet apoloġija qalet li l-produzzjoni dejjem kienet attenta biex issegwi l-liġi u fil-fatt f’każi ta’ dubbju dejjem talbet l-assistenza tal-uffiċjali tal-Awtorità. Żiedet li dwar in-nuqqasijiet elenkati huma dejjem kienu taħt l-impressjoni li ma kienx hemm problemi u dan peress li ilhom jużaw dan il-format mis-sena ta’ qabel u minkejja li kienet inġibdet l-attenzjoni dwar elementi oħra il-każ in eżami qatt ma ġie rilevat.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 25 ta’ Marzu, 2019