One Radio - Jack … Bini ma’ Zoo - 28 ta' Frar 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ One Radio dwar il-programm Jack … Bini ma’ Zoo li xxandar fit-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta xi lingwaġġ li xxandar fil-programm kien imur kontra l-gosti tajbin.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Jason Micallef f’isem l-istazzjon u lis-Sur Daniel Chircop li deher f’isem il-produtturi u li kien assistit mill-Avukat Neville Young.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkonstatat illi għalkemm kien minnu li l-frażi oġġezzjonabbli kienet abbrevjazzjoni ta’ isem ta’ wieħed mill-karattri fil-programm, il-kuntest li fih din il-frażi intużat waqt il-programm ma kienx jinftiehem b’dan il-mod.  In oltre, l-Awtorità sostniet li l-istazzjon u l-produtturi kellhom ir-responsabbiltà li jqisu l-effett li ċertu lingwaġġ kien ser iħalli fuq is-semmiegħa.  In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet u wara li qieset ukoll li l-edizzjonijiet tal-programm in eżami ixxandru f’ħin li t-tfal setgħu kienu qed isegwu ir-radju (16.24), l-Awtorita’ qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon u dan bil-għan li tali aġir ma jiġix ripetut.