ONE - Xandir relatat mar-Referendum - 28 ta’ Mejju, 2011




Referendum Campaign Programmes - 28 ta' Mejju 2011

L-Awtorità kellha quddiemha akkużi fil-konfront ta’ ONE dwar xandir relatat mar-Referendum li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta fi tliet okkazzjonijiet differenti l-istazzjon kiser id-Direttiva tagħha marbuta mar-Referendum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Jason Micallef u l-Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon li filwaqt li ddikkjaraw li kienu qiegħdin jammettu l-akkużi kontra l-istazzjon, li kienu riżultat tal-inesperjenza tal-operaturi li kienu xogħol dakinhar, talbu għall-konsiderazzjoni ta’ klemenza.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u in vista tal-fatt li l-istazzjon kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u li l-ksur tad-direttiva avverra ruħu fl-istess jum, l-Awtorità iddeċidiet li l-penali relattiva għat-tliet akkużi tiġi assorbita f’waħda, u għalhekk kienet qed timponi il-penali ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.