L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-xandiriet tal-Ħadd 3 ta’ Novembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta f’siegħa l-istazzjon xandar total ta’ 15-il minuta u 43 sekonda ta’ reklami.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv f’seduta li nżammet fis-26 ta’ Novembru, 2013 li minn naħa tiegħu qal li l-istazzjon kien infurmah li dan kien qiegħed jammetti l-akkuża miġjuba kontrih.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż il-fatt li dan il-programm instab ħati drabi oħra ta’ tali ksur, u l-ammissjoni min naħa tal-istazzjon iddeċidiet li timponi l-penali relattiva, madanakollu in vista tal-ammissjoni il-penali kellha tkun waħda ridotta ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 9 ta’ Diċembru, 2013