L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm S41 li xxandar fl-1 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm ta’ Ġrajjiet Kurrenti kien hemm referenza għall-isponsers u dan saħansitra minkejja li dwar dan kienet ġiet ippubblikata wkoll ċirkolari.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-14 t’Ottubru, 2014, li minn naħa tagħha ammettiet l-akkuża u qalet li l-produtturi kienu naqsu li josservaw il-provvedimenti tal-liġi u kif ukoll iċ-ċirkolari tal-Awtorità.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, meta ġiet biex tikkonsidra l-imposizzjoni tal-penali, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.
Ilum 22 t’Ottubru, 2014