L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Sajf li xxandar fil-5 ta’ Settembru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta il-preżentatur instema’ jgħid li kien ġewwa l-istabbiliment Boxway Fitness Centre filwaqt li l-instructor kien liebes flokk bil-logo tal-istess stabbiliment. In oltre waqt ir-rokna tal-make-up Claire Chetcuti kienet liebsa flokk ta’ Stefania D’Alessandro - kumpannija Taljana tal-make-up.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Marley Lagana għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fl-14 t’Ottubru, 2014.
Minn naħa tagħha Ms Ruth Vella Micallef filwaqt li ammettiet l-akkuża qalet li fil-fatt il-preżentatur kien indika diversi drabi l-istabbiliment Boxway Fitness Centre li kien jinsab fih. Żiedet li madanakollu rigward ir-rokna tal-make-up talbet klemenza peress li fl-istess programm ma kien hemm l-ebda reklam sew tad-ditta jew tal-kumpannija li kienet timporta l-prodotti.
Minn naħa tiegħu s-Sur Lagana tenna li l-istabbiliment Boxway Fitness Centre fir-realtà ma kienx għadu jopera l-anqas meta ntwera l-programm u għalhekk ir-referenzi waqt il-programm ma setgħax ikollhom skop kummerċjali.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, meta ġiet biex tikkonsidra l-imposizzjoni tal-penali, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.
Illum 22 t’Ottubru, 2014