L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Siegħa Żmien li xxandar fil-15 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm kien hemm ir-rokna tax-xogħol bl-idejn ma’ Hilda dwar kif issir barnuża għat-trabi jew tfal ftit akbar u madwar kwarta wara kien hemm reklam ta’ MTS Arts and Crafts, Żabbar li fih tidher b’mod prominenti l-istess Hilda.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef, Senior Manager ta’ ONE Productions, li dehret f’isem l-istazzjon u lis-Sur Joseph Borg għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014.
Minn naħa tagħha Ms Vella Micallef qalet li dan il-ksur kien riżultat tal-fatt li l-programm huwa wieħed live u wara li kienu naqsu żewġ guests bħala filler id-direzzjoni kienet xandret is-slot informattiva ta’ Hilda. Żiedet li r-reklami ta’ MRS Arts and Crafts kienu diġa parti mir-running order u kien għalhekk li rriżulta n-nuqqas.
Minn naħa tiegħu is-Sur Joseph Borg qal li minħabba n-numru konsiderevoli ta’ rigali dawn kienu jissemmew kollha fil-bidu tal-programm r-rigali u jsir aċċenn għal xi wħud wara t-telefonati tat-telespettaturi. Żied li minn wara li ħarġet l-akkuża dawn kienu qed jissemmew kollha inkluż l-informazzjoni relattiva kif titlob il-liġi.
L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li kienu skadew aktar minn sentejn mill-aħħar darba li l-istess programm kien instab ħati ta’ ksur, qablet li kellha twissi l-istazzjon sabiex tali nuqqas ma jiġix ripetut.
Illum 9 ta’ Diċembru, 2014