L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Siegħa Żmien ma’ Ġorg li xxandar fid-19 t’April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K (a) u (f), u Artiklu 16M (4) (b) tal-Att dwar ix-Xandir, kif ukoll ksur ta’ paragrafi 9.1(c) u 13.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali meta waqt rokna fl-imsemmi programm saret referenza u reklamar b’ħabi għal mediċinali li tintuża biex ikun ikkontrollat il-piż żejjed imsejħa human chorionic gonadotrophin (HCG) li kienet tingħata b’riċetta ta’ tabib.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon u lis-Sur Joseph Borg f’isem il-produzzjoni.
L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet mal-Kap Eżekuttiv li dan kien każ serju partikolarment minħabba l-fatt illi l-amministrazzjoni ta’ din il-mediċinali seta’ jkollha konsegwenzi serji fuq il-pazjent, liema konsegwenzi ma kienux issemmew waqt il-programm. Żied li f’dan is-sens persuni “vulnerabbli” setgħu isofru serjament fin-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u komprensiva u li l-istazzjon kellu l-obbligu jieħu l-miżuri neċessarji. L-Awtorità irriteniet ukoll l-istazzjonijiet kellhom ifittxu li jindirizzaw din it-tip ta’ informazzjoni b’attenzjoni kbira. In vista ta’ dan l-Awtorità iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u li kellha timponi l-penali relattiva ta’ elf seba’ mija u ħamsin Ewro (€1,750) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.