ONE - Street Blush - 29 ta' Lulju u 5 t'Awwissu 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Street Blush li xxandar fid-29 ta’ Lulju u l-5 t’Awwissu 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta l-mod li kienet ippreżentata rokna li fiha t-tfajliet kellhom jagħżlu l-ħwejjeġ li kellhom jilbsu għal photoshoot kien jitqies bħala element reklamatorju. 
  
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur James Xuereb li deher f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Settembru, 2014.

Minn naħa tiegħu s-Sur Xuereb qal li din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu bħala produttur u filwaqt li irrefera għall-pressjoni li jeżerċitaw fuq il-produzzjoni kemm il-mistiedna fil-programm kif ukoll l-isponsors, qal li hekk kif inġibditlu l-attenzjoni huwa ħa l-miżuri neċessarji sabiex jikkoreġi dan in-nuqqas u fil-fatt fil-kumplament tas-serje ma jidhirx li kien hemm xi ksur ieħor tal-provvedimenti tal-Liġi dwar ix-Xandir.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, meta ġiet biex tikkonsidra l-imposizzjoni tal-penali, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

Illum 17 ta’ Settembru, 2014