ONE - The Scene - 8 u 20 ta' Lulju, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet tal-programm The Scene li xxandru fit-8 u l-20 ta’ Lulju, 2015, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta f’dawn l-edizzjonijet kien hemm elementi ta’ reklamar b’ħabi minħabba numru ta’ servizzi li xxandru. Fil-programm tat-8 ta’ Lulju xxandar servizz fuq il-prodotti tal-Kinnie, liema servizz ma kienx indikat bħala tagħrif kummerċjali. Intant fl-edizzjoni tal-20 ta’ Lulju, ixxandru żewġ servizzi dwar il-waterpark tal-Għadira u l-padi.com5star Resort, liema servizzi wkoll jitqiesu bħala reklamatorji bi ksur tad-dispożizzjonijiet fl-Att dwar ix-Xandir.

F’dan l-istadju ċ-Chairman informa lill-membri u kif ukoll lir-rappreżentanta tal-istazzjon illi minħabba li setgħa jkun hemm xi perċezzjoni ta’ konflitt ta’ nteress minn naħa tiegħu fir-rigward tas-smigħ tal-akkuża dwar servizz li xxandar fit-8 ta’ Lulju 2015 fuq il-prodotti Kinnie huwa kien qed jitlob li jirrikuża ruħu mis-smigħ u d-deċiżjoni dwar din l-akkuża, u fil-fatt irtira mis-seduta.

Il-laqgħa tkompliet billi wara li ġie approvat Artiklu 16K(a) tal-Awtorità dwar ix-Xandir l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Ms Trudy Kerr għall-produtturi, f’seduta li nżammet fit-22 ta’ Settembru, 2015, li minn naħa tagħha spjegat fid-dettal in-natura tas-sensiela li skont hi kienet intenzjonata li tippromwovi dak kollu li kien Malti inkluż avvenimenti u attivitajiet għall-benefiċċju tal-barranin li jkunu qed iżuru Malta. Żiedet li l-produzzjoni dejjem tfittex li tosserva b’mod rigoruż il-liġi u wara li kienu notifikati bl-akkuża ittieħdu miżuri biex features simili għal dawk indikati jitwaqqfu.

Ms Kerr spjegat lill-membri illi l-feature dwar ix-xarba Kinnie kien jippreżenta l-kummenti kemm pożittivi u anke n-negattiv tal-pubbliku dwar prodott popolari u tipikament Malti. In oltre filwaqt li rrimarkat illi l-isem PADI ma kienx jirrappreżenta xi brand name iżda standard/ċertifikazzjoni fil-qasam tad-diving saħqet li fiż-żewġ features dwar id-diving u l-waterpark il-produzzjoni ħasset li kellha tagħti l-kuntest tal-attivitajiet u għalhekk kien neċessarju element ta’ dettall.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat siltiet mill-programmi in eżami qablet illi l-features dwar il-Kinnie u l-Waterpark kienu jikkostitwixxu b’mod ċar reklamar u ksur tad-dispożizzjonijiet relattivi tal-liġi, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ dan in-nuqqas f’dan il-programm iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix tali infrazzjoni.

Illum 12 t’Ottubru, 2015