L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il- programm Top Model li xxandar fit-2 ta’ Novembru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm il-preżentatriċi qalet li se jaraw kif ir-rebbieħa tal-Personality Judging tal-ġimgħa ta’ qabel kienu għamlu trattament tal-Myoka Sense Spa u eżattament wara r-rokna dwar it-trattament ġewwa l-Myoka Spa, ixxandru sensiela ta’ reklami li fosthom kien hemm reklam tal-Myoka.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef, Senior Manager ta’ ONE Productions, li dehret f’isem l-istazzjon u lil Ms Marion Baldacchino għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014.
Ms Vella Micallef qalet li dan kien programm ġdid fl-iskeda u kienet ukoll esperjenza ġdida għall-produtturi. Żiedet li hekk kif inġibdet l-attenzjoni ittieħdu l-miżuri biex in-nuqqasijiet jiġu indirizzati u rettifikati.
L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur waqt din is-sensiela qablet li kellha twissi l-istazzjon sabiex tali nuqqas ma jiġix ripetut.
Illum 9 ta’ Diċembru, 2014