ONE - 12-il minuta reklamar - 27,28,30 ta' Marzu u 1 ta' April 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon ONE fejn ġie allegat li f’erba’ okkażjonijiet partikolari l-istazzjon xandar aktar mit-12-il minuta reklamar konsentiti mill-Liġi u dan bi ksur ta’ paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Ruth Vella in rappreżentanza tal-istazzjon, li minn naħa tagħha filwaqt li ammettiet l-akkuża rigwardanti tlieta mill-erba’ każi, qalet li r-raba’ ksur kien riżultat tal-fatt li l-bulettin tal-aħbarijiet kien beda tard u għalhekk ir-reklam abbinat mal-ħin kellu jdum jidher aktar milli previst.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati tal-tali ksur imponiet il-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika. 

Fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità innutat ukoll li l-ksur rifless fl-akkuża tal-Kap Eżekuttiv kien ġie ripetut f’numru ta’ okkażjonijiet, u filwaqt li qablet li dan setgħa jiġi interpretat bħala aġir abbużiv, wissiet lill-istazzjon sabiex tali aġir ma jirrepetix ruħu.

28 ta' Mejju 2012