ONE - Singled Out - 16 u 23 t'Ottubru u 13 u 27 ta' Novembru 2009




L-Awtorità kellha quddiema akkuża tal-programm Singled Out tas-16 u t-23 t’Ottubru u tat-13 u s-27 ta’ Novembru, 2009, li kiser il-paragrafi 4.1.2 u 4.1.5 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella u ħadet konjizzjoni tal-fatt illi l-Liġi dwar ix-Xandir, u b’mod partikolari l-Liġi Sussidjarja, kienet tinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw il-parteċipazzjoni u d-dehra tat-tfal fi programmi tax-xandir, u kif ukoll li kien hemm fis-seħħ kodiċi tax-xandir għall-protezzjoni tal-minorenni, u ħtiġijiet li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ persuni vulnerabbli fil-mezzi tax-xandir, li fost ħwejjeġ oħra, dawn il-ħtiġijiet jesiġu li, anki meta l-parteċipazzjoni tat-tfal tkun saret bil-kunsens tal-ġenituri tagħhom:

a) il-produttur tal-programm xorta waħda għandu l-obbligu li jaċċerta li din il-parteċipazzjoni tkun fl-interess tat-tfal u mhux ta’ ħaddieħor (artiklu 4.1.2), u li;
b) il-produttur ukoll għandu l-obbligu li jara li l-interessi tat-tfal jiġu mħarsa u b’mod partikolari irid jifhem li t-tfal ta’ età żgħira jsibuha diffiċli li jiddistingwu bejn dak li huwa reali u dak li huwa fittizju (artiklu 4.1.5).

L-Awtorità qablet illi filwaqt li m’għandha l-ebda diffikultà b’dan il-ġeneru ta’ programm, min-naħa l-oħra ma tistax taċċetta li, kif ġara f’diversi edizzjonijiet tal-programm, fil-filmati tal-intervisti mal-parteċipanti, meta dawn jirrakkontaw, ġieli b’mod fittizju u ġieli b’mod reali, stejjer dwar problemi personali li jkunu għaddew minnhom, jiġu ffilmjati u identifikati, kultant b’mod prominenti, it-tfal żgħar ta’ dawn il-parteċipanti.

L-Awtorità rriteniet illi d-dehra ta’ dawn it-tfal f’dan il-programm ċertament ma kienitx fl-interess tat-tfal stess iżda fl-interess tal-produttur tal-programm sabiex jipprova jagħmel il-programm aktar ‘popolari’.

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti l-Awtorità ikkonkludiet li dan il-programm kien kiser dawn id-dispożizzjonijiet f’diversi okkażjonijiet u għalhekk immultat l-istazzjon penali fl-ammont ta’ elfejn tliet mija u disgħa u għoxrin ewro (€2,329), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar minn notifika.