ONE - Arani Issa - 19 ta' Novembru 2009




L-Awtorità kellha quddiema akkuża tal-programm Arani Issa tad-19 ta’ Novembru, 2009, li kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif interpretati permezz ta’ ċirkolari 11/09.

Dan peress li kien allegat li kien hemm assoċjazzjoni evidenti bejn il-kontenut f’żewġ irkejjen informattivi fil-programm, l-isponsors u r-reklami imxandra fl-istess programm.

L-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lill-istazzjon u lill-producer li kkontendew illi l-assoċjazzjoni ma kinitx evidenti peress li kienu ttieħdu l-miżuri sabiex ir-reklami ma jinkludux kontenut relatat mal-parti informattiva u ma jixxandrux eżattament wara l-irkejjen informattivi rispettivi.

Madanakollu l-Awtorita’ kienet tal-fehma illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata peress li kemm Joe Azzopardi u kif ukoll Graziella Galdes huma persuni sinonimi mas-soċjetajiet kummerċjali Victor Azzopardi Jewellers u G Class by Gilda u għaldaqstant ai termini ta’ l-imsemmija provvedimenti, dawn ma setgħux jippreżentaw rokna informattiva meta l-programm kien sponsorjat u kien jinkludi reklami taż-żewġ soċjetajiet kummerċjali.

Għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li timponi penali amministrattiva fl-ammont ta’ elf, mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ llum.