Deċiżjoni dwar l-akkuża mressqa kontra ONE Productions Ltd dwar il-programmi mis-sensiela Awla ta’ nhar l-10, 17, 24 u 31 t’Ottubru 2023 li xxandru fuq ONE.
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv kontra ONE Productions Ltd dwar 4 programmi Awla li xxandru fuq ONE fl-10, 17, 24 u 31 t’Ottubru 2023 li matulhom kien hemm diversi nuqqasijiet marbuta mal-użu tal-ilsien Malti li seħħew minkejja t-twissija lill-istess stazzjon ta’ nhar it-3 t’Ottubru 2023. Dan il-ksur inġieb a bażi ta’ Art. 3(f) tal-liġi sussidjarja 350.10. Il-Kap Eżekuttiv qalet li kien hemm diversi żbalji grammatikali matul dawn l-erba' programmi u dan anke wara li l-istazzjon inġibditlu l-attenzjoni għal żbalji oħra li saru fi programmi preċedenti.
L-istazzjon għażel li jidher għal dan is-smigħ li sar fl-4 ta’ Diċembru 2023 u kien rappreżentat miċ-Chairman tal-ONE, is-Sinjura Ruth Vella Micallef. Hi ammettiet l-akkużi u nfurmat lill-Bord li wara l-ħruġ ta’ dawn l-akkużi ttieħdu l-miżuri neċessarji.
Il-Bord ħa konjizzjoni ta’ dak diskuss u l-fatti preżentati u fid-dawl tal-ammissjoni tal-istazzjon, isib ħtija fuq l-akkużi miġjuba.
Għalhekk il-Bord qed iħeġġeġ lill-istazzjon iżomm mal-promessi tiegħu li jissorvelja iżjed din il-materja u li jara u jiżgura li ma jerġax ikun hemm dan it-tip ta’ nuqqasijiet fl-użu tal-lingwa Maltija.
12 ta’ Diċembru 2023
Smigħ 15/2023 Numru 10
Ref: 63/01