L-Awtorità kellha quddiema akkuża tal-programm Bla Aġenda tas-7 ta’ Novembru, 2009, li kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità rat il-filmat relattiv u semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella, lill-producer u l-Avukat Joe Mifsud għan-nom tal-producer li argumentaw illi dan il-programm kien wieħed ta’ natura informattiva (Travelogue) u kien jimmerita li jixxandar peress li kien jitratta dak li kien qed jiġi meqjus bħala l-isbaħ vapur tal-passiġġieri fid-dinja.
L-Awtorita’ irriteniet illi siltiet mill-programm hekk imsejħa informattivi kienu fil-fatt reklamatorji u dan b’għadd ta’ kummenti li kienu jippromwovu s-servizzi u l-faċilitajiet tal-vapur MSC Splendida, liema kummenti kienu saħansitra jinkludu referenza għal ġranet li fihom il-vapur jopera minn Malta.
Għalhekk l-Awtorita’ kienet tal-fehma illi l-akkuża ġiet ippruvata, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ ksur tal-provvedimenti taħt l-Att dwar ix-Xandir, iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex tali aġir ma jerġgħax jirrepeti ruħu.