ONE TV - ONE NEWS - 11 ta' Marzu 2023




Deċiżjoni dwar ilment imressaq mill‑ADPD kontra ONE NEWS dwar in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ rigward konferenza tal‑aħbarijiet tal‑11 ta’ Marzu 2023

L‑Awtorità kellha quddiemha lment mill‑ADPD fil‑konfront tal‑aħbarijiet tal‑ONE minħabba li l‑istazzjon ONE ma rrappurtax konferenza tal‑aħbarijiet li saret mill‑ADPD, liema konferenza saret fil‑11 ta’ Marzu 2023.

Preżenti għal din il‑laqgħa li saret fl‑20 ta’ Marzu, dehru ċ‑Chairperson tal‑ADPD Carmel Cacopardo u s‑Segretarju Ġenerali tal‑ADPD is‑Sur Ralph Cassar. Għall‑istazzjon ONE dehru l‑Kap tal‑Aħbarijiet is‑Sur Sandro Mangion assistit minn Dr Ramona Attard.

Il‑Perit Cacopardo qal li l‑ADPD ilmenta minħabba li sistematikament il‑ONE ma jirrappurtax il‑konferenzi jew l‑istqarrijiet tal‑ADPD. Filwaqt li rrefera għas‑sentenza riċenti tal‑Qorti Kostituzzjonali, il‑Perit Cacopardo qal li l‑Qorti qalet li l‑imparzjalità fix‑xandir mhijiex limitata għax‑xandir pubbliku u l‑istazzjonijiet l‑oħra għandhom ukoll l‑obbligu li jkunu imparzjali. Qal li l‑Kostituzzjoni ma tagħmilx differenza bejn il‑partiti u l‑obbligu ta’ imparzjalità trid issir mingħajr distinzjoni ta’ partiti. Sostna li minkejja d‑diskrezzjoni editorjali, l‑istazzjonijiet privati wkoll iridu jħarsu l‑obbligu tal‑imparzjalità.

Għall-ONE, Dr Ramona Attard irreferiet għal Artiklu 13 (4) tal‑Att dwar ix‑Xandir u Artiklu 119 tal‑Kostituzzjoni u qalet li bħalissa dawn qed jiġu eżaminati f’kawża fil‑Qorti. Qalet li l‑iskop ta’ Artiklu 119 tal‑Kostituzzjoni kien promulgat meta l‑uniku xandir kien ix‑xandir tal‑istat iżda Artiklu 13 tal‑Att dwar ix‑Xandir imbagħad jagħti d‑diskrezzjoni lill‑Awtorità biex tara l‑firxa wiesgħa. Dr Ramona Attard qalet li meta l‑istazzjon ONE jara li hemm valur ta’ aħbar fil‑konferenzi jew stqarrijiet tal‑ADPD, dawn jiġu rrappurtati u fakkret li l‑istazzjon għandu d‑diskrezzjoni editorjali ta’ x’aħbarijiet jiġu rrappurtati jew imxandra.

Wara li semgħet is‑sottomissjonijiet tal‑partijiet, għamlet dawn il‑konsiderazzjonijiet:‑

L‑Awtorità rat li l‑konferenza stampa tal‑ADPD kienet tittratta l‑isptarijiet u dan fl‑isfond tal‑kontroversja kurrenti dwar is‑sentenza tal‑Qorti dwar il‑kuntratt tal‑isptarijiet. 

Kif l‑Awtorità qalet f’deċiżjonijiet passati, huwa minnu li kull kamra tal‑aħbarijiet għandha d‑diskrezzjoni editorjali tagħha u tanalizza jekk attività jew stqarrija jkollhiex valur ta’ aħbar għaliex il‑fatt li partit joħroġ stqarrija m’għandux ifisser dritt awtomatiku ta’ rappurtaġġ. Madankollu hija diffiċli li wieħed jifhem li fl‑ebda mill‑konferenzi jew mill‑istqarrijiet li jtellgħu l‑ADPD ma jkun hemm valur ta’ aħbar, aktar u aktar meta kif qal fis‑sottomissjonijiet tiegħu l‑istazzjon ONE l‑aħħar aħbar li xxandret dwar l‑ADPD tmur lura għal Novembru tas‑sena l‑oħra. Il‑fatti juru li sistematikament l‑istazzjon ma xandar l‑ebda dikjarazzjoni tal‑ADPD matul dawn l‑aħħar xhur.

Fid‑dawl tat‑Taqsima 4 tal‑Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14, l‑Awtorità tilqa’ dan l‑ilment minħabba li bulettin ta’ aħbarijiet għandu jinkludi akkuratezza u fatti li jkollhom valur ta’ aħbar. Għaldaqstant l‑Awtorità qed titlob li l‑istqarrija tal‑ADPD għandha tiġi rrappurtata fil‑bulettin tat‑30 ta’ Marzu 2023.

 

30 ta’ Marzu 2023