Deċiżjoni dwar l-ilment tas-Sur Matthew Caruana Galizia kontra ONE rigward intervista ma’ Dr Daniel Attard fuq ONE News tat-13 ta’ Lulju 2023 fejn issemmew l-inkjesti pubbliċi u dawk maġisterjali.
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq direttament lilha mis-Sur Matthew Caruana Galizia nhar l-14 ta’ Lulju 2023 dwar ix-xandira fuq ONE News nhar il-Ħamis 13 ta’ Lulju 2023, b’rabta mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia u fejn issemmew l-inkjesti pubbliċi u l-inkjesti maġisterjali.
Fis-17 ta’ Lulju 2023, l-Awtorità kitbet lis-Sur Matthew Caruana Galizia sabiex tistiednu jaderixxi mal-L.S.350.06: Kodiċi għall-Investigazzjoni u għad-Determinazzjoni t’Ilmenti. Hu għamel dan fit-18 ta’ Lulju 2023 billi kiteb lil ONE, tali ittra kienet indirizzata lis-Sur Sandro Mangion bħala l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet. Din il-kommunikazzjoni ġiet mibgħuta wkoll lis-Sur Josef Caruana peress li kien għadu jinħatar bħala Kap tat-Taqisma tal-Aħbarijiet.
ONE baqa’ ma weġibx għal dan l-ilment u s-Sur Matthew Caruana Galizia talab għas-smigħ. Għaldaqstant l-Awtorità stiednet lill-partijiet għas-smigħ nhar id-9 ta’ Awwissu 2023.
Għal Daphne Caruana Galizia Foundation deher is-Sur Matthew Caruana Galizia filwaqt li għal ONE dehret Dr Ramona Attard.
Is-Sur Matthew Caruana Galizia spjega li l-ilment kien dwar ix-xandira fuq ONE fejn l-informazzjoni li ngħatat dwar l-investigazzjoni pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia kienet żgwidanti u għaldaqstant il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia talbet kjarifika f’xandira simili. Hu spjega li s-sekwenza tal-avvenimenti kienet interpretata b’mod ħażin u li kien hemm dibattitu pubbliku dwar l-inkjesta pubblika tal-każ Jean Paul Sofia, fejn kien qed jinagħad li din trid isseħħ qabel l-inkjesta maġisterjali. Ikkonkluda li l-mistieden, Dr Daniel Attard, qal li fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia l-inkjesta pubblika bdiet wara li ntemmet l-inkjesta maġisterjali u l-arrest tal-persuni, li f’dan il-każ kien żbaljat u jimmerita korrezzjoni.
Dr Ramona Attard qalet li l-ilment kien ibbażat fuq interpretazzjoni ħażina tal-lingwa Maltija u qrat silta mit-traskrizzjoni, fejn Dr Daniel Attard qal “għax kien biss wara l-inkjesta maġisterjali li tressqu l-mandanti, l-eżekuturi u dawk li ġabu l-bombi f’pajjiżna għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u mhux wara l-inkjesta pubblika”. Skond hi ‘wara’ ma għandhiex tifsira ta’ timeline iżda hija ndikattiva għal forma ta’ riżultat. Għaldaqstant “wara riżultat ta” kienet tfisser “following a magisterial inquiry”. Irreferiet ukoll għall-Att dwar l-Inkjesti Kap.273 Art. 3 u 5 li skond hi jgħidu li inkjesta pubblika qatt ma tista’ twassal biex jitressqu n-nies, kif ukoll preżentat artiklu ppubblikat fuq Times of Malta nhar it-28 ta’ April 2023 bit-titlu ‘Do magisterial and public inquiries reveal same things?’ miktub minn Neville Borg. Dr Ramona Attard saħqet li Dr Daniel Attard kien legalment korrett fil-kumment tiegħu.
Għal dan is-Sur Matthew Caruana Galizia wieġeb li l-ilment ma kienx qed jirreferi għall-intenzjoni ta’ Dr Daniel Attard iżda li kien qiegħed sempliċiment jitlob kjarifika ta’ x’kien intqal. Kompla li meta wieħed jara l-kuntest tad-dibattitu ta’ dak iż-żmien, fejn il-pożizzjoni tal-Gvern kienet li inkjesta pubblika ma tistax isseħħ matul inkjesta maġisterjali, dan il-fatt huwa kruċjali għall-interpretazzjoni u allura l-valur tal-ilment. Ikkonkluda li minkejja l-interpretazzjoni legali l-importanti hu l-pubbliku x’jifhem minn din ix-xandira u li skond hu l-pubbliku fehem li kien hemm sekwenza u li wara nkjesta maġisterjali tista’ tibda inkjesta pubblika, iżda dan ma kienx il-każ u hija r-raġuni l-għaliex il-korrezzjoni mitluba hija neċessarja.
L-Awtorità ikkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet, it-traskrizzjoni tax-xandira filwaqt li rreferiet għall-proviżżjonijiet riferiti u d-dokumenti preżentati.
L-Awtorità ma laqgħetx l-ilment l-għaliex ħasset li l-argumenti a favur l-ilment kienu ta’ natura nterpretattiva li ma joffrux bażi sabiex jiġi milqugħ. Madankollu l-Awtorità ċċanfar lix-xandar għall-fatt li ma weġibx għall-ilment l-għaliex in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ lment huwa diżrispett lejn min jilmenta u lejn l-istess Awtorità.
16 ta’ Awwissu 2023
Smigħ 11/2023 Numru 5
Ref: 73/2023