Deċiżjoni għall-akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra ONE TV rigward ksur tad-direttiva dwar mistednin fil-programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti
Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-istazzjon mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, datata 29 ta’ Mejju 2024, saret referenza għat-trasmissjonijiet ta’ ONE TV ta’ bejn it-18 ta’ Mejju 2024 u t-28 ta’ Mejju 2024 fejn matul il-perjodu deher kandidat wieħed biss li mhuwiex ser jikkontesta f’isem il-Partit Laburista l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2024. Dan f’dibattitu bejn is-Sur David Agius f’isem il-Partit Nazzjonalista u s-Sur Steve Ellul f’isem il-Partit Laburista.
Il-Kap Eżekuttiv qalet li n-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ta’ fehmiet politiċi minn partiti li se jikkandidaw għal dawn l-elezzjonijiet u/jew kandidati qed jikser Paragrafu 3(5) tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir dwar Programmar u Reklami mxandra fuq radju u televiżjoni matul il-perjodu tad-29 t’April u t-8 ta’ Ġunju 2024 u minkejja li l-istazzjon inġibditlu l-attenzjoni permezz ta’ email datata l-Ġimgħa 24 ta’ Mejju 2024 u kien diġà wkoll mwissi biex id-Direttiva tkun imħarsa.
Nhar il-31 ta’ Mejju 2024, cioè fid-data li l-istazzjon għajjat is-smigħ, is-Sinjura Ruth Vella wieġbet għan-nom ta’ ONE Productions Limited permezz ta’ email dakinhar stess u rreġistrat ammissjoni.
Wara li ħa konjizzjoni ta’ dan, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża u sab li la darba l-ksur kien sar, ma kienx hemm triq oħra għajr li jimmulta lill-istazzjon skont Skeda 5 tal-Kap. 350, l-Att Dwar ix-Xandir, fl-ammont tal-minimu ta’ €4,190(erbat elef mija u disgħin ewro) li għandu jitħallas entro 60 ġurnata minn din id-data.
Il-Bord qed jordna wkoll il-qari tas-sunt kif ġej:
Waqt seduta ta’ smigħ li saret fil-31 ta’ Mejju, l-Awtorità rat li l-istazzjon ONE TV ppreżenta amissjoni li kiser id-Direttiva maħruġa mill-Awtorità għal matul il-kampanja elettorali. Dan minħabba li fil-programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti, l-istazzjon ma stiedinx mistiedna ta’ fehmiet politiċi differenti u li se jikkandidaw ruħhom għal dawn l-elezzjonijiet. Għaldaqstant l-Awtorità mmultat lil dan l-istazzjon is-somma ta’ €4,190.
Minbarra dan is-sunt l-Awtorità permezz ta’ Paragrafu 10 tal-istess Direttiva li jitlob it-tħaris ta’ bilanċ u imparzjalità ordnat lil ONE TV biex fil-ħin indikat f’dan il-paragrafu tad-Direttiva, tagħti spazju xieraq lill-fehmiet differenti fit-tielet jum qabel l-elezzjoni bejn is-7pm u l-11pm, liema ħin jista’ ma jeċċedix l-għoxrin minuta.
Il-Partiti li tħallew barra mill-istazzjon se jkunu mistiedna jibagħtu materjal reġistrat lill-Awtorità sa mhux iżjed tard mis-19:00 tallum sabiex dan jiġi approvat u mibgħut lill-istazzjon għax-xandira. Jirriżulta li hemm 4 partiti li ma ġewx mistiedna minn ONE TV li huma Abba, ADPD, Imperium Europa u Volt. Għaldaqstant kull partit se jkun mistieden jissottometti reġistrazzjoni ta’ mhux iżjed minn 5 minuti ‘l wieħed.
5 ta’ Ġunju 2024
Smigħ 08/2024 Numru 7
Ref: 63/01/9