ONE - Rapport Finanzjarju - 17, 18 ta' Dicembru 2009 u l-4 ta' Jannar 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru, 2009 u l-4 ta’ Jannar, 2010 fejn ONE TV kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, meta waqt Rapport Finanzjarju sponsorjat mill-Bank of Valletta plc, il-preżentatriċi dehret liebsa uniformi tal-istess bank, u fuq l-iskrin deher l-isem u kif ukoll il-logo tal-bank.

Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv fl-assenza ta’ rappreżentant tal-istazzjon ikkostatat illi, sabiex programmi ta’ dan it-tip ma jiksrux l-imsemmija provvedimenti l-istazzjon kellu jaddotta wieħed minn żewġ mudelli:

1)  il-programm jiġi indikat fit-totalità tiegħu bħala tagħrif promozzjonali u l-ħin tiegħu jiġi mnaqqas mit-12-il  minuta reklami f’siegħa orarja ai termini tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir; jew

2)  il-programm jingħata bixra differenti fis-sens, li jitqies bħala programm sponsorjat u għalhekk matulu ma ssir l-ebda referenza għall-imsemmi bank kemm b’mod viżiv kif ukoll b’mod verbali.  Dan ifisser li l-kontenut ikun ħieles minn kwalunkwe rabta ma' l-isponsor, f’dan il-każ il-bank.

Fiċ-ċirkostanzi l-Awtorità ordnat li din l-irregolarità tieqaf b’mod immedjat u l-programm jikkonforma mal-liġi u f’każ li dan ma jseħħx tkun kostretta tieħu passi ulterjuri.