Deċiżjoni għall-akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra ONE TV rigward spots li xxandru fit-18 ta’ Mejju 2024 bi ksur tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir
Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-istazzjon mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, datata 23 ta’ Mejju 2024, saret referenza għat-trasmissjoni ta’ ONE TV ta’ nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju 2024 li matulha ġew innutati xi spots li jiffurmaw parti minn kampanja bit-tema Kunsilli Lokali viċin in-nies – Gvern Lokali. Dawn l-ispots ixxandru bi ksur ta’ Para. 3(4) tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir dwar Programmar u Reklami Mxandra fuq Radju u Televiżjoni matul il-perjodi tad-29 t’April sat-8 ta’ Ġunju 2024 u minkejja li l-istazzjon inġibditlu l-attenzjoni permezz ta’ email datata l-Ġimgħa 17 ta’ Mejju 2024.
Nhar il-31 ta’ Mejju 2024, is-Sinjura Ruth Vella wieġbet għan-nom ta’ ONE Productions Limited u għal email li l-Bord bagħat sabiex jinnotifika l-istess stazzjon dwar is-smigħ organizzat b’mod urġenti fl-istess jum. Wieġbet li l-istazzjon ma kienx irċieva l-komunikazzjoni datata 23 ta’ Mejju, liema komunikazzjoni ntbagħtet permezz ta’ email u permezz ta’ ittra postali.
Għaldaqstant, filwaqt li f’komunikazzjoni separata datata 30 ta’ Mejju 2024 l-istazzjon kien infurmat dwar is-seduta tal-għada 31 ta’ Mejju 2024, ma deher ebda rappreżentant għal ONE Productions Limited.
Wara li Dr Joanna Spiteri ħalliet is-seduta, l-Bord ħa konjizzjoni tal-fatti u sab li la darba l-ksur kien minnu, ma kienx hemm triq oħra għajr li jimmulta lill-istazzjon skont Skeda 5 tal-Kap. 350, l-Att Dwar ix-Xandir, fl-ammont ta’ €4,190 (erbat elef mija u disgħin ewro) li għandu jitħallas entro 60 jum minn din id-data.
Il-Bord qed jordna wkoll il-qari tas-sunt kif ġej:
“F’seduta li nżammet fil-31 ta‘ Mejju, l-Awtorità tax-Xandir sabet lil ONE TV ħati ta’ ksur tad-Direttiva tal-Awtorità waqt dan il-perjodu ta’ kampanja elettorali. Dan minħabba li l-istazzjon xandar reklamar tal-kampanja tal-Gvern Lokali, liema reklami kienu ta’ natura politika u li jmorru kontra l-istess Direttiva tal-Awtorità. Għaldaqstant l-Awtorità mmultat lil dan l-istazzjon €4,190 skont Skeda Ħamsa tal-Att dwar ix-Xandir”
Dan is-sunt għandu jinqara matul il-bulettin tad-data tad-deċiżjoni.
5 ta’ Ġunju 2024
Smigħ 08/2024 Numru 6
Ref: 63/01/9