ONE - Arani Issa - 19 Ta' Frar u 18 ta' Marzu 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjonijiet il-programm Arani Issa tad-19 ta’ Frar u t-18 ta’ Marzu, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafi 4.1.7, 4.1.8 u 4.1.10(iv), (vi), u (vii) tal-Avviż Legali 350.15 (Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika Dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir) meta l-protagonista tal-programm kien tifel li kien jissubixxi bullying l-iskola minħabba l-apparenza ta’ widnejh u kif ukoll ksur ta’ paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir peress li l-istazzjon xandar aktar minn 12-il minuta ta’ reklamar hekk kif konsentit f’siegħa orarja.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sinjura Ruth Vella li dehret għall-istazzjon u l-Avukat Joseph Chetcuti li deher f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Ġunju, 2012. 

Minn naħa tiegħu Dr Chetcuti, ta dettalji dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu sabiex l-istorja ta’ dan it-tifel tingħażel għall-programm (inkluż il-fatt li skont hu l-Aġenzija Appoġġ kienet saħansitra ħeġġet lil Dr Chetcuti li jagħmel dan il-programm).  Huwa issottolineja l-fatt li l-produzzjoni qagħdet ferm attenta sabiex din l-istorja ma tirriduċix ruħha bħala waħda sensazzjonali u ta’ detriment għall-istess protagonist.

Żied li l-ħsieb tal-produzzjoni kien li l-moral tat-tifel jiġi imsaħħaħ sabiex dan jikseb aktar kunfidenza ma’ sħabu, u għaldaqstant il-messaġġ tal-programm kien wieħed pożittiv.

Minn naħa tagħha is-Sinjura Vella qalet li għal darb’oħra l-problema bir-reklamar eċċessiv kienet irriżultat minn over-running tal-bulettin tal-aħbarijiet li meta jseħħ jikkawża ċaqlieq fl-iskeda ta’ reklami.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni u ddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li qieset is-sensittivita tal-każ dehrilha li kummenti li kienu saru waqt il-programm mill-preżentatur kienu fil-fatt jesponu inutilment aspetti personali u negattivi fil-ħajja tal-protagonista 'minuri' li kienu ta’ detriment aktar milli ta’ benefiċċju għall-istess, partikolarment fejn jidħol il-bullying.  L-Awtorità ħasset li l-kumment waqt il-programm li żvela li missier it-tifel kien qiegħed jiskonta piena fil-ħabs kien partikolarment ta’ detriment għall-istess tifel.  L-Awtorità innutat ukoll li l-istazzjon ma ġġustifikax in-nuqqas tiegħu li jipproduċi kif legalment obbligat, l-analiżi tal-minuri mill-Aġenzija AppoġġIn oltre, rigward ir-reklamar eċċessiv l-Awtorità innutat li dan ma kienx każ iżolat u r-raġunijiet imressqa mill-istazzjon ma kienux ġustifikati. 

In vista ta’ dawn l-osservazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u li fir-rigward tal-parti tal-akkuża li tikkonċerna l-protezzjoni tal-minuri, minħabba s-serjetà tal-każ, din kellha timponi l-multa relattiva ta’ €2,330, liema multa kellha tkun sospiża għal perjodu ta’ sena. Din is-sospensjoni kienet in linea ma’ deċiżjonijiet oħra li l-Awtorità ħadet fil-passat, u kellha tapplika għall-ksur tar-regolamenti dwar protezzjoni tal-minuri u mal-programm in kwistjoni.  Fir-rigward tal-parti tal-akkuża li kienet tikkonċerna ksur tar-regolamenti dwar ir-reklamar, fejn l-istazzjon ukoll kien instab ħati, l-Awtorità iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istess.

18 ta' Ġunju 2012