ONE u ONE Radio - 22 t'April 2014




Ilment mill-Alternattiva Demokratika

L-Awtorità kellha quddiemha ilmenti mill-Alternattiva Demokratika datat 22 t’April, 2014 kontra ONE u ONE Radio fejn kien allegat ksur ta’ paragrafu 3(2) tad-Direttiva tal-Awtorità marbuta mal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta l-imsemmija stazzjonijiet naqsu milli jistiednu l-kandidat/rappreżentant tal-istess Alternattiva Demokratika fi programmi mtella’ u trażmessi fl-ewwel jiem tal-Kampanja Elettorali.

L-Awtorità semgħet lill-Perit Carmel Carcopardo, bħala kandidat u f’isem l-Alternattiva Demokratika u lis-Sur Aleander Balzan li kien qed jidher f’isem ONE u ONE Radio, assistit minn Dr Stefan Żrinżo Azzopardi, fil-preżenza tas-Sur Nigel Vella, f’seduta li nżammet fid-29 t’April, 2014.

Minn naħa tiegħu l-Perit Carmel Cacopardo qal li d-Direttiva tal-Awtorita li kienet tkopri l-perjodu bejn il-11 t’April u l-24 ta’ Mejju speċifikament il-paragrafu 3(2) kien ċar u kien iqiegħed obbligu fuq kull stazzjon li fil-każ ta’ programm li jkollu x’jaqsam ma xi materja ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li jirreferi għall-policy pubblika kurrenti u li jixxandar fl-imsemmi perjodu apparti li dan kellu jkun ibbilanċjat, kellhom jipparteċipaw fih rappreżentanti tal-Partit Laburista, Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika. 

Il-Perit Cacopardo qal li hekk kif kellu kopja ta’ din id-Direttiva huwa mill-ewwel ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon madanakollu minkejja li kien għadda ż-żmien ma kien irċieva l-ebda tweġiba.  Żied li sussegwentement l-Awtorità ħarġet interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva li skont hu ma kienet tbiddel xejn mill-obbligu li kellu l-istazzjon u dan peress li l-klawsola in kwistjoni sa dakinhar ma kienitx ġiet revokata.

Dr Stefan Żrinżo Azzopardi qal li ċ-ċirkolari maħruġa mill-Awtorità b’interpretazzjoni ta’ paragrafu 3(2) tad-Direttiva kienet ċara u tispjega b’mod tajjeb is-sitwazzjoni.  Żied li l-istess ċirkolari titkellem fuq “rappreżentanza fuq medda ta’ programmi” u mhux “f’kull programm”.  Żied li in oltre l-istazzjon kien qiegħed iwieġeb fuq programm partikolari għax l-ilment kien jitratta programm partikolari madanakollu il-Perit Cacopardo issa kien qiegħed iwessa l-ilment u jinkludi programmi oħra.

Dr Żrinzo Azzopardi qal li in vista taċ-ċirkolari u l-interpretazzjoni tal-Awtorità ma kienx jirriżulta nuqqas minn naħa tal-istazzjon.  Żied li madanakollu kien hemm pjan li fil-futur isiru stediniet b’konformità mal-istess ċirkolari.

Is-Sur Aleander Balzan qal fil-preżent l-iskeda tal-istazzjon kienet tinkludi ix-xandir ta’ attivitajiet tal-Partit Laburista u ripetizzjonijiet tal-istess, madanakollu bl-introduzzjoni ta’ xi programmi ġodda inkluż wieħed li kellu jibda jixxandar kuljum filgħodu l-istazzjon kien kommess li jimplimenta l-obbligi tiegħu.  Żied li kien hemm impenn li jsiru stediniet lill-Alternattiva Demokratika.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet b’mod partikolari tal-impenn tal-istazzjon li jirrispetta b’mod sħiħ il-provvedimenti tad-Direttiva hekk kif sussegwentement interpretati u ddeċidiet li ma tipproċedix ulterjoralment dwar dan il-każ.

Illum 2 ta’ Mejju, 2014