Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir rigward ilment minn Alternattiva Demokratika kontra ONE Productions
L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat ilment imressaq mill-Perit Carmel Cacopardo f’isem l-Alternattiva Demokratika nhar it-Tnejn 19 ta’ Mejju 2014 li fih allega li rappreżentanti tal-Alternattiva ma ġewx mistiedna biex jipparteċipaw fi programmi fuq ONE u ONE Radio.
Is-smigħ ta’ dan l-ilment sar waqt seduta tal-Awtorita li saret ilbieraħ it-Tlieta 20 ta’ Mejju 2014.
Peress li r-rappreżentanti tal-istazzjon naqsu milli jattendu għal dan is-smigħ mingħajr avviż, l-Awtorità semgħet dan l-ilment konformi ma’ Paragrafu 12 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.06 Kodici Għall-Investigazzjoni u Għad-Determinazzjoni ta’ Ilmenti liema paragrafu jelenka li:
“Jekk ix-xandar involut jonqos milli jattendi għas-seduta, l-Awtorita għandha tisma’ lill-persuna li tagħmel l-ilment u għandha tiddeċiedi l-ilment fin-nuqqas tax-xandar”.
L-Awtorità semgħet lis- Sur Cacopardo li sostna li minkejja ċirkulari 7/14 maħruġa nhar is-7 ta’ Mejju 2014 mill-Awtorità tax-Xandir, l-istazzjonijiet ONE, minn dakinnhar, naqsu li jistiednu lir-rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika biex jieħdu sehem fi programmi fuq ONE u ONE Radio.
L-Awtorità wara li qieset dak li qal is-Sur Cacopardo, ivverifikat li sat-Tnejn 19 ta’ Mejju membri tal-Alternattiva Demokratika ma kienux mistiedna la fuq ONE u lanqas fuq ONE Radio u għalhekk sabet li dan l-ilment kien ġustifikat.
Separatament, l-Awtorità qieset il-multa sospiża ta’ €4,660 li kienet imponiet fuq l-istazzjonijiet ONE talli naqsu milli jaderixxu mad-Direttiva mgħotija mill-Awtorità ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir u wara li qieset li l-istazzjonijiet ONE naqsu li jagħtu l-ispazju rikjest fid-Direttiva biex rappreżentanti ta’ Alternattiva Demokratika iwasslu l-messaġġ elettorali tagħhom fil-programmi ta’ ONE, imponiet li l-multa ssir effettiva u li għandha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.
Illum 21 ta’ Mejju, 2014