ONE u ONE Radio - Partit tal-Ajkla - 19 ta' Mejju 2014




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit tal-Ajkla kontra ONE Productions

L-Awtorita tax-Xandir ikkunsidrat ilment imressaq mill-kandidat tal-Partit tal-Ajkla Nazzareno Bonnici nhar it-Tnejn 19 ta’ Mejju 2014 li fih allega li ma ġiex mistieden biex jipparteċipa fi programmi fuq ONE u ONE Radio.

Is-smigħ ta’ dan l-ilment sar waqt seduta tal-Awtorità li saret ilbieraħ it-Tlieta 20 ta’ Mejju 2014.

Peress li r-rappreżentanti tal-istazzjon naqsu milli jattendu għal dan is-smigħ mingħajr avviż, l-Awtorità semgħet dan l-ilment konformi ma’ Paragrafu 12 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.06 Kodici Għall-Investigazzjoni u Għad-Determinazzjoni ta’ Ilmenti liema paragrafu jelenka li: 

“jekk ix-xandar involut jonqos milli jattendi għas-seduta, l-Awtorità għandha tisma’ lill-persuna li tagħmel l-ilment u għandha tiddeċiedi l-ilment fin-nuqqas tax-xandar”.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Nazzareno Bonnici li allega li t-Tnejn filgħodu mar fl-uffiċini tal-ONE u staqsa meta kien se jiġi mistieden fuq xi programm tat-televiżjoni jew tar-radju u dan skont ma’ kienet idderiġiet l-Awtorità fiċ-ċirkulari 7/14 maħruġa nhar is-7 ta’ Mejju 2014.  Is-Sur Bonniċi qal li ġie infurmat li l-istazzjonijiet ONE ma kienux ser jistiednuh.

L-Awtorita wara li qieset dak li qal is-Sur Bonnici u vverifikat li sat-Tnejn 19 ta’ Mejju s-Sur Bonnici ma kienx mistieden la fuq ONE u lanqas fuq ONE Radio sabet li dan l-ilment kien ġustifikat.

Separatament, l-Awtorità qiset il-multa sospiza ta’ €4,660 li kienet imponiet fuq l-istazzjonijiet ONE talli naqsu milli jaderixxu mad-Direttiva mgħotija mill-Awtorità ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir u wara li qiset li l-istazzjonijiet ONE naqsu li jagħtu l-ispazju rikjest fid-Direttiva biex is-Sur Bonnici iwassal il-messaġġ elettorali tiegħu fil-programmi ta’ ONE, imponiet li l-multa ssir effettiva u li għandha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.

Ilum 21 ta’ Mejju, 2014