ONE -Flimkien ma’ Nancy - 15 ta’ Jannar, 2018




Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward Telebejgħ Flimkien ma’ Nancy li xxandar fil-15 ta’ Jannar, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjoni tat-telebejgħ Flimkien ma’ Nancy li xxandar fil-15 ta’ Jannar, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafi 20, 23, u 33 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta matul dan it-telebejgħ il-preżentatriċi kienet innutata tirreklama l-prodotti ta’ Snow White Meat & Poultry Market, ta’ Big Fresh, ta’ Iceland Supermarket u ta’ Connies Fishshop. F’dawn il-każijiet il-preżentatriċi għamlet kummenti ġeneriċi dwar il-kwalità tas-servizz/prodott ta’ dawn id-ditti mingħajr ma ngħata l-prezz ta’ dak li kien qed jintwera. Barra minn hekk, waqt it-tħejjija tar-riċetti, il-preżentatriċi wżat numru ta’ għodod tal-kċina (li possibilment jinbiegħu minn World Marketing) iżda dawn ma ngħatax il-prezz tagħhom (eż; silicon containers u griglioso extension). Minbarra dan, matul dan it-telebejgħ għaddiet crawl li kienet turi l-prezz ta’ numru ta’ prodotti li jinbiegħu mingħand World Marketing iżda li mkien ma dehru iktar fit-telebejgħ (eż: Scanpan wok u Waterless 6Ltr Pot w/Lid)

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u li kienet akkumpanjata mis-Sinjura Nancy Buhagiar, Dr Trevor Buhagiar għall-produzzjoni u Dr Jean Franco Gauci, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Mejju, 2018.

Minn naħa tagħha Ms Vella Micallef filwaqt li ammettiet il-fatt li fit-telebejgħ in kwistjoni setgħa kien hemm kummenti eċċessivi minn naħa tal-preżentatriċi, saħqet li kienu ttieħdu l-passi mill-istazzjon biex ċerti referenzi għall-prodotti jiġu eliminati. Żiedet li peress li l-produzzjoni tirrekordja erba’ slots kull darba jista’ jagħti l-każ illi l-aspett tekniku li jirrigwarda l-credits mhux dejjem ikun ikkordinat tajjeb.

Minn naħa tagħha is-Sinjura Buhagiar filwaqt li skużat ruħha stqarret li matul karriera ta’ 26 sena qatt ma kellha problemi ta’ dan it-tip u dejjem fittxet li taderixxi mar-regolamenti viġenti. Żiedet li jekk kien hemm xi nuqqas dan qatt ma kien intenzjonat jew b’sens ta’ malizja.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon, li dan ħa l-passi biex in-nuqqasijiet jiġu indirizzati immedjatament u li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali nuqqas u in vista ta’ dan ħasset li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum id-9 ta’ Mejju, 2018