PBS - Aħbarijiet 07.00am - 29 ta' Mejju 2026





Deċiżjoni għall-ilment mill-Partit Nazzjonalista vs PBS Ltd rigward l-aħbarijiet tad-29 ta’ Mejju 2026 tas-07:00am

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment urġenti mressaq mill-Partit Nazzjonalista nhar id-29 ta’ Mejju 2026 kontra PBS rigward l-aħbarijiet tas-07:00am tal-istess jum.

 

Il-Bord organizza smigħ b’urġenza dakinhar stess li għalih attendew Dr Michael Piccinino bħala rappreżentant legali għall-Partit Nazzjonalista. Għall-istazzjon PBS dehru Dr Mark Vassallo, avukat, l-Inġ. Charles Dalli bħala editur, is-Sur Owen Galea, Kap tal-Aħbarijiet kif ukoll l-Inġ. Keith Chetcuti bħala CEO.

 

Dr Mark Vassallo qal li l-bieraħ l-istazzjon kien qed inaddaf l-istejjer relatati mal-kampanji politiċi. Qal li fil-bulettin tas-7am ħarġet din l-istorja partikolari li ġiet flagged mill-Partit Nazzjonalista u li l-istazzjon induna biha qabel sar l-ilment. Qal li mmedjatament wara l-istazzjon investiga x’ġara u ħa azzjoni mmedjata. Spjega li filwaqt li l-istejjer tneħħew kien kawża ta’ din it-technical glitch li ħarġet din l-istorja u dan għax id-database ma kenitx aġġornata. Qal ukoll li sakemm l-istazzjon sab tarf tal-problema kellu jħalli barra żewġ aġġornamenti tal-aħbarijiet, ċioè dawk tat-08:00am u d-09:00am, sakemm il-każ kien solvut. Dr Mark Vassallo tenna li ma hemmx lok għal rimedju speċjalment meta din il-glitch saret f’dawk il-ħinijiet, u li f’każ li jkun ordnat rimedju, dan għandu jkun imxandar fl-istess ħin, is-07:00am.

 

Dr Michael Piccinino qal li huwa stat ta’ fatt li l-kontenut imur kontra l-liġi u d-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir u għalhekk għandu jkun hemm rimedju għal dan. Kompla li fis-07:00am PBS Ltd jagħmel xandir dirett u li dan jixhed għall-fatt li t-telespettaturi jaraw it-televiżjoni dak il-ħin, għax kieku ma jorganizzax dawn ix-xandiriet.

 

Dr Mark Vassallo wieġeb li l-istazzjon ma kellux kontroll fuq din il-ħsara u li għamel dak li seta’ biex irrimedja s-sitwazzjoni fl-immedjat. Qal li minħabba fiha nqabżu żewġ aġġornamenti filwaqt li fl-10:00am l-aħbarijiet ħarġu mingħajr l-istorja lmentata.

 

Dr Peter Fenech, membru tal-Bord, talab liċ-Chairman jisma’ lill-Awtorità tgħaddi l-verżjoni tagħha.

 

Dr Joanna Spiteri spjegat li l-Awtorità għamlet monitoraġġ bħas-soltu u nnutat dak li kien għaddej fuq TVM News. Qalet li riedet tara x’kienu l-items u nfurmat lis-Sur Owen Galea u lill-Inġ. Charles Dalli sabiex jaraw l-aħbarijiet li kienu saru. Ikkonfermat ukoll li baqa’ jsir monitoraġġ u li fit-08:00am u fid-09:00am ma ħarġux aħbarijiet.

 

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ il-Bord għadda sabiex jiddiskuti s-sottomissjonijiet imressqa.

Għalkemm imsejħa mill-istazzjon bħala technical glitch, il-Bord ikkunsidra l-istazzjon ma nnegax il-fatt li kien hemm materjal li ma kellux jixxandar. Innota wkoll li dan kien ikkonfermat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir. Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord qed jilqa’ l-ilment u qed jordna lil PBS Ltd sabiex matul l-ewwel tlett items tal-bulettin prinċipali tallum, ixandar dan is-sunt:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sema’ lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum dwar ksur ta’ sezzjoni 6 tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir da parti ta’ PBS Ltd, li xandret aħbar ta’ natura politika matul il-bulettin tas-07:00am, liema aħbar, wara ntervent tal-Awtorità tax-Xandir stess, ma reġax ixxandar fil-bulettini li segwew. Wara li sema’ l-ispjegazzjoni li ta PBS Ltd, sab lill-istess stazzjon ħati ta’ ksur tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir u qed jordna l-qari tas-sunt bħala rimedju”.

 

 

 

 

Smigħ 5_26 Ilment 2

Ref: 10/26

29 ta’ Mejju 2026