PBS - Aħbarijiet - 12 ta' Mejju 2026





Ilment mill-Partit Nazzjonalista vs PBS Ltd rigward l-aħbarijiet tat-12 ta’ Mejju 2026

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista nhar it-13 ta’ Mejju 2026 kontra PBS rigward l-aħbarijiet tat-12 ta’ Mejju 2026.

Il-Bord organizza smigħ b’urġenza għal nhar l-14 ta’ Mejju 2026 li matulu attendew is-Sur Joseph Mizzi bħala konsulent għall-Partit Nazzjonalista assistit minn Dr Michael Piccinino bħala rappreżentant legali. Għall-istazzjon PBS dehru Dr Mark Vassallo, avukat, l-Inġ. Charles Dalli bħala editur, is-Sur Owen Galea, Kap tal-Aħbarijiet kif ukoll l-Inġ. Keith Chetcuti bħala CEO li ngħaqad b’mod virtwali.

Is-Sur Joseph Mizzi qal li ġew innutati diversi affarijiet f’dan il-bulettin tal-aħbarijiet. Beda billi semma li l-aħbar ewlenija tal-Partit Nazzjonalista ġiet relegata għar-raba’ item fil-bulettin tat-12 ta’ Mejju 2026. Semma wkoll problema bil-live coverage u qal li r-rappurtaġġ tal-mass meeting tal-Partit Laburista sar b’mod aħjar meta mqabbel mar-rapport tal-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista. Qal li fil-parti tal-aħbarijiet li ma kinux relatati mal-elezzjoni ġenerali 2026, ixxandru numru ta’ news items li suppost mhumiex mal-aħbarijiet tal-elezzjoni però fihom hemm element qawwi ta’ kontroversja politika u dan jidher li ntuża biex jingħata spazju għal ċerti Ministri. Semma t-trasport tal-annimali f’Għawdex.

Dr Michael Piccinino qal li filwaqt li hemm sitt items, f’dan l-ilment, wieħed irid jara wkoll il-kumplessità. Qal li allura wieħed irid jara mhux item iżolat iżda l-impatt ta’ item fuq ieħor. Qal li iktar speċifikament il-fatt li jkun hemm sound-on-tape ta’ Ministri anke f’dan iż-żmien sensittiv, u dan joħloq żbilanċ waqt kampanja elettorali. Qal li ngħataw struzzjonijiet ta’ kif għandhom jittieħdu sound-on-tapes u dan anke skont deċiżjonijiet preċedenti meħuda mill-Bord tal-Awtroità tax-Xandir. Kompla li ma jistax jifhem kif kumment tal-Ministru Miriam Dalli fuq proġett inkomplet, għandu valur ta’ aħbar. Ħeġġeġ lill-Bord jara l-materjal b’mod kollettiv. Ikkonkluda li meta f’bulettin isir rappurtaġġ hekk, il-bulettin kollu jsir żbilanċjat meta jitqies b’mod kollettiv.

Għall-PBS is-Sur Owen Galea qal li fuq SOT (sound-on-tape) partikolari tal-Ministru Miriam Dalli u li skont kif intqal fl-ilment ixxandar f’news item tal-aħbarijiet tat-12 ta’ Mejju 2026 biex jakkumpanja rapport dwar proġett ta’ network tad-drenaġġ u bjar tal-ilma, kif ukoll triq u bankini ġodda. IS-Sur Owen Galea qal li din hija biss allegazzjoni għaliex ma xxandret l-ebda intervista tal-Ministru Dalli f’dan ir-rappurtaġġ. Ir-rapport semma biss dak li qalet il-Ministru Dalli.

Dr Michael Piccinino ma kkontestax li ma kienx hemm SOT iżda wieġeb li matul kampanja politika dawn ix-xandiriet fuq proġetti mhumiex kompluti huma purament politiċi għaliex proġetti mhux kompluti ma jistgħux ikollhom valur ta’ aħbar.

Is-Sur Owen Galea qal li dak is-servizz kien dwar id-drenaġġ u x-xogħol u peress li l-proġett ma kienx biss dwar dawk ix-xogħlijiet, ir-rappurtaġġ kien dwar parti mix-xogħol li tlestiet.

Is-Sur Joseph Mizzi qal li t-telespettatur ma jagħrafx dan l-aspett jew id-dettal u allura rapport bħal dak iservi ta’ kontenut politku aktar u aktar f’dan il-perjodu.

Is-Sur Frans Ghirxi, membru tal-Bord, staqsa lill-lanjant jekk qattx kien hemm xi konferenza stampa mill-Partit Nazzjonalista li ma ġietx imxandra minn PBS.

Dr Michael Piccinino wieġeb li l-ilment mhux dwar hekk iżda dwar il-mod ta’ kif ġew irraportati sensiela ta’ news items u l-impatt li potenzjalment għandhom.

Dr Mark Vassallo qal li kieku kien messaġġ politiku kif qed jallega l-lanjant, kien jinġieb biss ix-xogħol lest u mhux dak li għadu għaddej.

Is-Sur Owen Galea wieġeb għall-allegazzjoni tar-relegazzjoni tal-item dwar l-aħbar ewlenija mill-Partit Nazzjonalista għar-raba’ post. Qal li l-ewwel storja kienet tal-Partit Laburista magħmula minn żewġ items oħra b’reazzjoni tal-Partit Momentum u ADPD li kkritikaw lill-Prim Ministru. Spjega li meta jkun hemm reazzjoni din tkun back-to-back u din kienet ukoll waħda mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir f’deċiżjonijiet preċedenti.

Għaldaqstant qal li t-tieni storja qal li kienet l-istorja tal-Partit Nazzjonalista u li mhux minnu li kienet ir-raba’.

Is-Sur Joseph Mizzi wieġeb li ir-rapport tal-Partit Laburista u r-reazzjonijiet ma xxandrux f’pakkett wieħed u għaldaqstant huwa minnu li l-aħbar ewlenija tal-Partit Nazzjonalista verament ixxandret bħala r-raba’ item.

Is-Sur Joseph Mizzi u Dr Michael Piccinino lmentaw ukoll għall-aħbar ta’ aktar mediċini b’xejn u kkummentaw li din l-aħbar saret meta rappreżentant tal-Partit Laburista kien tkellem dwar dan fi programmi preċedenti. Qalu li l-kumment li ttieħed tal-Ministru Jo Etienne Abela serva biex jilħaq għan politiku u partiġġjan l-aktar f’perjodu ta’ kampanja elettorali.

Is-Sur Owen Galea wieġeb u qal li l-kumment tal-Ministru Jo Etienne Abela kien tekniku u informattiv fejn elenka mediċini u investimenti, u ffoka fuq is-servizz tas-saħħa mingħajr ma għamel retorika jew xi forma ta’ tifħir lill-Gvern.

Saret ukoll referenza għal news item dwar trasport b’xejn tal-annimali domestiċi minn Għawdex u s-Sur Joseph Mizzi spjega li din l-aħbar ikkwotat fit-tul lill-Ministru Dr Anton Refalo u spjega li b’dan il-mod ingħata vantaġġ lil dan il-kandidat.

Is-Sur Owen Galea wieġeb u qal li r-rappurtaġġ għal dak li qal Dr Anton Refalo biex l-annimali jinġiebu minn Għawdex għal Malta, ma kienx propaganda jew promozzjoni għall-Gvern.

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ il-Bord għadda sabiex jiddiskuti s-sottomissjonijiet.

Il-Bord ma laqax l-ilment peress li rriżulta li ma kienx hemm relegazzjoni għar-raba’ post tal-aħbar tal-Partit Nazzjonalista kif allegat mil-lanjant. Innota wkoll li l-live coverage li matulu l-kwalità kienet ta’ inferjuri, kienet għall-fatt li l-attività kienet ferm viċin il-bulettin u għaldaqstant l-istazzjon għamel l-għalmu tiegħu sabiex ikopriha iżda dan b’diffikultajiet tekniċi li s-Sur Joseph Mizzi rrikonoxxa. Dwar ir-rappurtaġġ tal-mediċina l-Bord iddistingwa bejn aħbar u vantaġġ politikuu sab li peress li dan kien jitratta l-mediċina għal mard terminali, kien jimmerita valur ta’ aħbar. Innota wkoll li minkejja li l-mediċina hija tema kontroversjali, ir-rappurtaġġ kien veritier lejn l-aħbar u mxandar b’mod siewi. Dwar il-parti tal-ilment li ssemmi it-trasport b’xejn ta’ annimali domestiċi, il-Bord osserva li ma jistax ikun li l-aħbarijiet ikunu skansi mill-għerq tas-sinifikat u ċioè l-aħbar, anzi ġaladarba stazzjon huwa obbligat li jġib l-aħbar ikun qed jabdika mid-dover jekk dan ma jsirx. Fl-aħħarnett innota wkoll li l-Partit Nazzjonalista ammetta li fir-rappurtaġġ dwar titjib fl-infrastruttura tad-drenaġġ f’Birżebbuġa ma xxandar l-ebda sound-on-tape (SOT) tal-Ministru Dalli kif allegat.

 

 

 

Smigħ 4_26 Ilment 5

Ref.: 08/26

19 ta’ Mejju 2026