PBS - Aħbarijiet - 22 ta' Settembru 2025




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward TVM News tat-22 ta’ Settembru 2025, dwar il-bini tat-torrijiet ġewwa Għawdex

 

 

Dr Michael Piccinino għall-Partit Nazzjonalista lmenta kontra PBS Ltd u dan rigward rappurtaġġ fl-aħbarijiet ta’ TVM li deher fit-22 ta’ Settembru 2025 dwar stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista dwar il-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alex Borg dwar il-bini tat-torrijiet f’Għawdex.

 

Fl-ilment tiegħu ndirizzat lil PBS Ltd, Dr Michael Piccinino lmenta li fir-rappurtaġġ li xxandar fil-bulettin tat-22 ta’ Settembru 2025 kien qed jirraporta stqarrija tal-Partit Laburista għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alex Borg dwar it-tema tat-torrijiet f’Għawdex. Kompla li f’xandira ta’ minuta u disa’ sekondi, dak li qal Dr Alex Borg kellu durata ta’ sitt sekondi biss li matulhom saħansitra tħalla wkoll viżwal bit-titlu ta’ dak li qal il-Partit Laburista dwar il- kummenti tiegħu. L-ilment semma wkoll li jekk ir-reazzjoni tal-Partit Laburista ġiet meqjusa mill-editur li kellha valur ta’ aħbar, għaldaqstant ma setax l-istess editur ma jikkunsidrax il- kummenti oriġinali ta’ Dr Alex Borg bl-istess mod.

 

Fir-risposta tiegħu datata 26 ta’ Settembru 2025, l-Editur u Chief Operations Officer ta’ PBS Ltd, l-Inġ Charles Dalli, wieġeb li ma jaqbilx mal-argumenti mressqa mill-Partit Nazzjonalista u elenka diversi punti fosthom eżempji ta’ xandiriet li fihom issemmew il-kummenti ta’ Dr Alex Borg bħal dawk tal-21 ta’ Settembru 2025 meta ċaħad l-allegazzjonijiet li saru dwaru in konnessjoni mat-torrijiet f’Għawdex, ir-revizjoni ta’ pjani lokali u li l-ħarsien tal-ambjent għandu jkun dritt kostituzzjonali, fejn spjega wkoll li dawn il-kummenti ttellgħu ukoll fuq is- sit elettroniku ta’ PBS Ltd. Fit-tweġiba tiegħu, l-Inġ. Charles Dalli kkummenta dwar ix- xandiriet tat-22 ta’ Settembru 2025 fejn skont hu l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista u dak Laburista kienu trattati b’mod ġust u bilanċjat.

 

Il-Partit Nazzjonalista ma qabilx ma’ din ir-risposta u għalhekk, ai termini tal-L.S.350.06, talab li jiġi skedat is-smigħ. Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir organizza dan is-smigħ għal nhar it-8 t’Ottubru 2025.

 

Għal dan is-smigħ dehru l-avukati Dr Michael Piccinino u Dr David Bonello għall-Partit Nazzjonalista filwaqt li għal PBS Ltd dehru l-avukat Dr Mark Vassallo, is-Sur Owen Galea bħala Kap tal-Aħbarijiet u l-Inġ. Charles Dalli bħala Chief Operating Officer u Editur u Dr Naomi Genovese, studenta tal-liġi.

 

Dr Michael Piccinino qal li dak li jinkiteb fuq is-sit elettroniku ta’ PBS Ltd ma jiġix sindikat mill-Awtorità tax-Xandir. Qal ukoll li l-PBS irrapporta dak li qal Dr Alex Borg fil-meeting politiku kien iqsar fid-durata minn dak li qal il-Partit Laburista fit-22 ta’ Settembru 2025. Semma li fit-22 ta’ Settembru 2025 il-Partit Laburista mbagħad ħareġ reazzjoni għall-vidjo ta’ Dr Alex Borg u li minn xandira ta’ madwar minuta u disa’ sekondi, madwar sitt sekondi biss kienu jitrattaw dak li qal Dr Alex Borg. Ikkonkluda li jekk il-vidjo mhux storja, r-reazzjoni anqas m’għandhiex tkun storja u li għaldaqstant bir-rappurtaġġ tal-istqarrija tal-PL inħoloq żbilanċ.

 

Dr David Bonello għall-Partit Nazzjonalista qal li jekk wieħed jara l-istorja, din kienet reazzjoni tal-Partit Laburista għal dak li qal Dr Alex Borg fuq vidjo imtella’ fuq il-mezzi soċjali. Qal ukoll li dak li qal Dr Alex Borg ma ġiex inkluż bl-ebda mod fil-bulettin tal- aħbarijiet. Ikkonkluda li kemm il-messaġġ oriġinali u kemm ir-reazzjoni kellhom jiġu rrappurtati l-għaliex jew jiġi mxandar kollox jew xejn.

 

Dr Michael Piccinino kompla li l-aħbarijiet ma humiex noticeboard tal-istqarrijiet iżda għandhom jitrattaw ġrajjiet li fihom valur t’aħbar. Ikkonċeda li l-editur ma jistax isegwi l- facebook account u mezzi soċjali oħra iżda dan ma japplikax ġaladarba jkun hemm reazzjoni għalih.

 

Għal-PBS, is-Sur Owen Galea qal li l-kwistjoni kollha ma bdietx kif indikat mill-Partit Nazzjonalista iżda fit-13 ta’ Settemrbu 2025 fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistieden għall- programm Vi jew Va li jixxandar fuq Radju Malta u sussegwentament fuq TVM. Ikkwota wkoll dak li qal Dr Alex Borg dakinhar u li ġie rrapurtat f’s.o.t tiegħu ta’ madwar 26 sekonda. Kompla li fl-20 ta’ Settembru 2025 kien hemm il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fejn filgħaxija ġie rappurtat dak li qal Dr Alex Borg u li ġie riprodott l-għada l-Ħadd. Is-Sur Owen Galea qal li qablu ġie kkwotat il-PM segwit mill-Kap tal-Oppożizzjoni b’dak li qal fil-mass meeting. Qara wkoll siltiet mill-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u ppreżenta żewġ stqarrijiet li ż-żewġ partiti bagħtu lill-istazzjon dakinhar stess. B’referenza għall-istqarrija tal- Partit Nazzjonalista rrimarka li ma kien hemm ebda referenza għall-kelma “torrijiet” filwaqt li l-Partit Laburista għamel referenza għall-kwistjoni. Dwar il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li ma kienx hemm reazzjoni għal dak li qal il-PM fuq il-kwistjoni li ma bdietx fil-21 ta’ Settembru 2025 iżda fit-13 ta’ Settembru 2025. Semma wkoll diversi punti li ssemmew fil-bulettin tal- aħbarijiet ta’ dakinhar, ċioè l-21 ta’ Settembru 2025.

 

Is-Sur Owen Galea qal li fit-22 ta’ Settembru 2025 il-PL ħareġ stqarrija dwar it-tema tat- torrijiet fejn qal li Dr Alex Borg irtira l-proposta tiegħu stess fi żmien erbat ijiem. Żied li l- kamra tal-aħbarijiet rat għalxiex qed jirreferi l-Partit Laburista fl-istqarrija tiegħu u sab il-post li saret fuq facebook minn Dr Alex Borg. Qara wkoll it-traskrizzjoni tar-rappurtaġġ ta’ PBS. Qal li l-pożizzjoni ta’ Dr Alex Borg ġiet irrappurtata fit-22 ta’ Settembru 2025 u li ma setgħetx ġiet imxandara b’mod iżjed kategoriku minn dak li kien hemm fil-post jiġifieri “Jien ma rridx torrijiet f’Għawdex”.

 

Is-Sur Owen Galea qal li l-kwistjoni tat-torrijiet ma waqfitx hemm l-għaliex fil-25 ta’ Settembru 2025, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi minn Times of Malta dwar it-tema u li PBS xandar dak il-materjal u kkwota minn dak imxandar.

 

Fis-seduta tas-smigħ Dr Michael Piccinino irrisponda u qal li l-PBS qed jiżgwida lill-Bord għaliex fir-rappurtaġġ tat-13 ta’ Settembru 2025 qatt ma ssemmiet il-kelma “Għawdex”. Kompla li PBS xandar rappurtaġġ dwar il-kontroversja nhar il-21 ta’ Settembru 2025. Qal ukoll li fit-22 ta’ Settembru 2025 il-verżjoni ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx imxandar b’mod ġust u ġie rrapurtat biss sitt sekondi f’item ferm itwal. Rigward dak li ġie rrapurtat fil-25 ta’ Settembru, Dr Piccinino qal li dak ir-rapport kien jitratta dwar torri fix-Xlendi u qal li l- kontroversja hija rigward policy ta’ bini ta’ torrijiet f’Għawdex u mhux dwar torri partikolari fix-Xlendi. Għalhekk qal li l-kontroversja hija fil-prinċipju mhux fuq xi proġett iżolat f’post jew f’ieħor.

 

Dr Mark Vassallo stieden lill-Bord jara t-titlu tal-post ta’ Dr Alex Borg fuq facebook li kienet tgħid “jien ma rridx torrijiet f’Għawdex” u sabiex jiġi mifli r-rappurtaġġ li skond hu sar fedelment. Qal li l-kontroversja kienet rappurtaġġ dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u rrimarka li kieku dak li kien hemm fil-vidjo kellu valur ta’aħbar, allura kellha tiġi mibgħuta stqarrija.

 

Dr David Bonello staqsa fejn hi l-item dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni f’dak preżentat minn PBS u kompla li din qiegħda biss f’dak li qal il-Prim Ministru, għall-istess kummenti.

 

Meta l-partijiet ħallew is-seduta il-Bord għadda sabiex jiddiskuti dan l-ilment fejn innota li r-rappurtaġġi kienu fidili lejn il-fatti. Għal din ir-raġuni l-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment.

 

 

 

 

 

Smigħ 6_25 Ilment 4

Ref.: 24/25

13 t’Ottubru 2025