Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment datat 27 ta’ Ġunju 2025 imressaq mil-Life Network Foundation (“LNF”) kontra PBS Ltd. L-ilment kien jittratta n-nuqqas ta’ rappurtaġġ tat-tnedija tal-pjattaforma tal-Life Network Foundation fil-bulettin tal-aħbarijiet, liema tnedija saret fl-10 ta’ Ġunju 2025. Is-smigħ kien skedat għat-3 ta’ Lulju 2025 iżda ġie differit għall-10 ta’ Lulju 2025 fuq rikjesta minn PBS Ltd.
Għal dan is-smigħ attendew is-Sur Tonio Fenech għal LNF, assistit mill-avukat Dr Paul Borg Olivier. Għal PBS Ltd dehru l-Inġ. Keith Chetcuti, Kap Eżekuttiv, l-Inġ. Charles Dalli bħala l-Editur tal-istazzjon, is-Sur Owen Galea bħala Kap tal-Aħbarijiet u l-avukat Dr Mark Vassallo bħala r-rappreżentant legali tal-istazzjon.
Dr Paul Borg Olivier spjega li fis-7 ta’ Mejju 2025 ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-ewstanasja volontarja biex ikun hemm diskussjoni hekk kif jgħid il-manifest tal-Partit Laburista. Fl-10 ta’ Ġunju 2025, xahar wara, il-LNF nediet pjattaforma ntitolata “Oqtol l-uġigħ mhux lili” intiża illi mhux biss tagħti informazzjoni iżda wkoll tirċievi proposti sabiex jiġu sottomessi lill-Gvern fl-għeluq tal-perjodu konsultattiv tiegħu. Qal li din l-aħbar għall-PBS fl-10 ta’ Ġunju 2025 ma ġietx meqjusa valur t’aħbar u ma xxandritx fil-bulettin tal-aħbarijiet imma ttellgħet biss online fuq in-news portal u li sussegwentement fit-18 ta’ Ġunju 2025, ġiet imwaqqfa pjattaforma oħra li kienet qed tippromwovi l-politika tal-Gvern ċioè l-ewtanasja assistita. Dakinhar, fl-aħbarijiet tat-8pm PBS ħasset li dik l-istorja kellha valur t’aħbar. Għaldaqstant fit-23 ta’ Ġunju 2025 sar ilment mill-LNF fejn intqal li anke l-kampanja ta’ LNF kellha valur t’aħbar.
Dr Paul Borg Olivier kompla li kien biss fit-30 ta’ Ġunju, jumejn qabel ma kienet se tispiċċa l-konsultazzjoni pubblika li l-PBS irraporta din l-aħbar fil-bulettin tal-aħbarijiet. Qal li dan ma kienx ġust għaliex dan sar kważi ġimgħa wara li l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS rċevew rikjesta għal ilment u li jidher li l-PBS ma sabx valur ta’ aħbar meta din il-pjattaforma kienet imnedija, imma imbagħad sab valur ta’ aħbar kważi xahar wara. Qal ukoll li l-LNF li tirrapreżenta naħa tal-ħsieb jew opinjoni tal-munita, tilfet anke mill-opportunità li twassal messaġġ lil min seta’ jgħaddi feedback fuq il-konsultazzjoni. Spjega li l-LNF twaqqfet b’mod indipendenti minn NGO filwaqt li l-pjattaforma l-oħra u li ġiet irrapurtata twaqqfet mill-Perit Daniel Micallef li kien fil-kumitat tal-Gvern li fassal il-konsultazzjoni pubblika. Dr Paul Borg Olivier tenna li dik ingħatat l-attenzjoni kollha filwaqt li LNF li twaqqfet sabiex toħloq bilanċ u tistieden suġġerimenti pubbliċi, ma ngħatatx widen. Ikkonkluda li l-pjattaforma favur l-inizjattiva tal-Gvern ingħatat spazju. Għalhekk spjega li n-nuqqas tar-rapurtaġġ tat-tnedija ta’ din il-pjattaforma ħoloq chilling effect fuq l-impatt li din il-pjattaforma kellha bżonn u li ħolqot mhux biss żbilanċjar dwar jekk għandux ikun hemm ewtanasja jew le iżda agħar minn hekk l-opportunità, fi żmien raġonevoli, jirreaġixxu fuq il-pjattaforma tagħhom.
Dr Paul Borg Olivier irrimarka li hemm problema bil-bilanċ u nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa ta’ PBS li tesponi lil kulħadd l-opportunità li jirreaġixxi fuq il-pjattaformi rispettivi u li b’konsegwenza ta’ hekk fuq kontroversja nazzjonali, S.L.350.06 u 350.14 ġew milquta minn chilling effect biex jesponu l-veduti tagħhom. Qal li dan l-aġir seħħ bi ksur ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
B’risposta, is-Sur Owen Galea qal li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS tirċievi ħemel ta’ stqarrijiet. Is-Sur Galea ta rendikont tar-rapporti li saru mill-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS biex juri li l-veduti taż-żewġ naħat ġew irrapurtati, kemm tal-Gvern, tal-Knisja u anke ta’ dawk li kienu preżenti fil-konsultazzjoni pubblika u li kellhom veduti differenti u opposti. Qal li fit-18 ta’ Mejju 2025 saret l-ewwel laqgħa pubblika li kienet ġiet rappurtata minn PBS. Qal li matulha kien hemm min tkellem favur u kontra l-konsultazzjoni kif tressqet mill-Gvern. Fil-25 ta’ Mejju 2025 il-PBS irraporta lill-Arċisqof ta’ Malta fil-pożizzjoni tiegħu kontra d-dħul tal-ewtanasja u li fil-31 ta’ Mejju 2025 ġiet irrappurtata l-ittra pastorali li ħarġu l-isqfijiet ta’ Malta kontra d-dħul tas-suwiċidju assistit b’madwar minuta u nofs servizz. Kompla li fl-14 ta’ Ġunju 2025 ġie rappurtat mill-ġdid il-konsultazzjoni pubblika tal-Gvern fejn ġew imxandra ż-żewġ veduti ċioè kontra u favur. Fit-18 ta’Ġunju 2025 il-Kamra tal-aħbarijiet irrappurtat stqarrija ta’ 150 akkademiku li tkellmu kontra d-dħul tal-ewtanasja f’Malta. Is-servizz kien ta’ kważi żewġ minuti. Dakinhar stess, wara s-servizz ġiet rappurtata l-istqarrija li rrefera għaliha Dr Paul Borg Olivier li rrapurtat it-tnedija tal-pjattaforma “Oqtol l-uġigħ u mhux lili”. Is-Sur Galea kompla li fit-2 ta’ Lulju 2025 ġiet irrapurtata stqarrija tal-akkademiċi tal-Unviersità, din id-darba favur l-ewtanasja f’Malta. Semma li kien hemm numru ta’ għaqdiet li PBS Ltd ma xandarx l-opinjonijiet tagħhom minħabba l-volum ta’ stqarrijiet li jirċievu. Ikkonkluda li l-ispazju li ngħata ma kienx wieħed li joħloq żbilanċ.
Fir-replika tiegħu Dr Paul Borg Olivier għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lis-Sur Owen Galea. Staqsa fost l-oħrajn jekk id-deċiżjonijiet jeħodhomx hu waħdu, u s-Sur Galea wieġeb li jkun hemm involut l-Editur ukoll. Mistoqsi kif iħares lejn il-LNF, qal li jirrikonoxxi li hija NGO. Dr Paul Borg Olivier staqsa wkoll jekk meta PBS tella’ l-istqarrija fuq is-sit biss, kienx hemm iktar rappurtaġġi fl-aħbarijiet bil-pożizzjoni tagħha favur il-ħajja. Is-Sur Owen Galea wieġeb ukoll li kien hemm diversi veduti li xxandru fl-interim u ma kinux jikkonsistu biss fir-rigward tal-Knisja iżda wkoll nies li laqgħu l-istedina biex imorru fil-laqgħat biex jagħtu l-fehmiet tagħhom.
Dr Paul Borg Olivier staqsa x’iddistingwa bejn pjattaforma li tagħti valur t’aħbar fil-konfront ta’ oħra li kellha l-istess valur t’aħbar, favur u kontra. Is-Sur Owen Galea qal li t-tnejn ġew irrappurtati u li fil-bulettin tat-8pm ingħata spazju lil kulħadd. Mistoqsi x’kienet id-differenza li jkun hemm rappurtaġġ fit-18 ta’ Ġunju u mhux fl-10 ta’ Ġunju 2025, is-Sur Owen Galea wieġeb li din ġiet rappurtata position paper mill-akkademiċi kontra d-dħul tal-ewtanasja f’Malta.
Is-Sur Frans Ghirxi, membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, staqsa lis-Sur Owen Galea kemm kien hemm konsutlazzjonijiet pubbliċi u jekk LNF bagħtitx persuni għall-konsultazzjoni pubblika. Għal dan is-Sur Tonio Fenech wieġeb dlonk li l-ilment kien dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-pjattaforma tal-LNF u mhux dwar is-sehem tal-LNF fil-konsultazzjoni pubblika. Qal li l-pjattaforma mwaqqfa mill-Perit Daniel Micallef kienet irrappurtata b’immedjatezza filwaqt li dik ta’ LNF ġiet irrappurtata fit-30 ta’ Ġunju 2025, ċioè jumejn qabel l-għeluq tal-konsultazzjoni.
Dr Mark Vassallo, għall-PBS, spjega li l-liġi tax-xandir titkellem biss fuq ideat opposti u mhux fuq reklami u rappurtaġġi. Spjega li l-PBS jara bilanċ fuq ideat opposti u għalhekk l-Awtorità għandha tevalwa mhux kemm ġew irċevuti stqarrijiet u liema xxandru iżda jekk kienx hemm ideat li joħolqu bilanċ u mparzjalità. Qal li l-aħbarijiet huwa espożizzjoni ta’ ideat opposti.
Dr Paul Borg Olivier wieġeb li LNF hija NGO stabbilita u meqjusa bħala l-organizzazzjoni ewlenija biex tipparteċipa f’diskussjoni nazzjonali. Qal li punt 654 tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista jitkellem fuq il-kura paljattiva u jkompli li għandha ssir diskussjoni pubblika matura. Kompla li issa kien hemm NGO imwaqqfa biex in-nies ikollhom pjattaforma fejn jitkellmu u qal li iżda l-PBS ma kkunsidrawx il-pjattaformi bl-istess mod.
In konklużjoni Dr Mark Vassallo qal li l-liġi titkellem fuq imparzjalità xierqa u dovuta u li wieħed irid jara l-istampa sħiħa.
Malli l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord iddiskuta s-sottomissjonijiet imressqa.
Il-Bord innota li kien hemm elementi ta’ tardezza fl-aħbar li tħalli impatt fuq l-effett tagħha, kif ukoll diskriminazzjoni fit-trattament taż-żewġ pjattaformi. Dan għaliex l-aħbar tat-tnedija tal-pjattaforma ġiet irrapurtata 20 jum wara. Qal li l-fatt li pjattaforma ta’ NGO ġiet irrappurtata meta ġiet imnedija, il-PBS seta’ uża l-istess trattament ma’ NGO oħra li f’dan il-każ kienet LNF u li kellha veduti opposti.
Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord qed jilqa’ dan l-ilment u jordna lill-PBS sabiex fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni jaqra dan is-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet:
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir laqa’ l-ilment imressaq mil-Life Network Foundation kontra PBS Ltd dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ tat-tnedija tal-pjattaforma tal-istess Fondazzjoni ‘Oqtol l-uġigħ u mhux lili’. Filwaqt li l-Bord innota li din ġiet irrapurtata mill-PBS fit-30 ta’ Ġunju, dan ir-rapport ixxandar tard wisq, saħansitra ferm wara li sar l-ilment u ferm aktar tard minn meta ġiet imnedija din il-pjattaforma pubblika intiża sabiex tippromwovi l-kura paljattiva minflok is-suwiċidju assistit, kif ukoll sabiex twassal ir-raġunijiet kontra l-proposta tal-Gvern dwar is-suġġett. Għalhekk qed tordna li jiġi moqri dan is-sunt bħala rimedju.