PBS - Imperium Europa - 18 ta' Mejju 2019




IIment minn Imperium Europa

L-Awtorità kellha quddiemha lment minn Imperium Europa kontra PBS Ltd datat 18 ta’ Mejju 2019, fejn ġie allegat li tul il-kampanja elettorali l-PBS Ltd kienet qed tagħmel diskriminazzjoni mal-istess partit meta dan fl-ebda mument ma kien ġie interpellat jippreżenta l-veduta tiegħu dwar temi ta’ kontroversja politika kurrenti u dan bi ksur ta’ Artiklu 13(2)(c) tal-Att dwar ix-Xandir u d-Direttiva tal-istess Awtorità tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Adrian Spiteri għall-Imperium Europa u lis-Sur Reno Bugeja, Editur ta’ PBS Ltd., f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Mejju, 2019.

Min-naħa tiegħu s-Sur Spiteri, filwaqt li rringrazzja u rrikonoxxa l-fatt li PBS Ltd kien stieden rappreżentant ta’ Imperium Europa fi programmi tiegħu, ilmenta mill-fatt li tul il-kampanja elettorali l-istess partit ma kien ingħata l-ebda coverage. Żied li filwaqt wieħed kien jifhem il-prinċipju li l-editur kellu diskrezzjoni fl-għażla ta’ dak li kellu valur t’aħbar u allura dak li kellu jixxandar f’Bulettin tal-Aħbarijiet, madankollu l-aġir tal-PBS Ltd ma kienx ġustifikat meta wieħed iqis li tul l-istess kampanja elettorali Imperium Europa kellu pożizzjoni ċara dwar numru ta’ temi ta’ kontroversja politika bħal fiil-każ tal-Abort, Immigrazzjoni, Eugenics, il-Lemin Estrem eċċ. u għalhekk kellu jingħata spazju.

Is-Sur Reno Bugeja, filwaqt li apprezza r-rikonoxximent ta’ Imperium Europa rigwardanti l-istediniet fi programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti tal-istazzjon, qal li waqt kampanja elettorali huwa kien jirċievi diversi stqarrijiet, madankollu fl-istess żmien il-partit kien ħareġ biss tliet stqarrijiet li skont hu, għal raġuni jew oħra, ma kinux jimmeritaw coverage. Żied li min-naħa l-oħra l-veduti politiċi ta’ Imperium Europa kienu ampjament komunikati u espressi fil-programmi li fihom kien mistieden rappreżentant tal-istess u għalhekk l-ilment ma kienx ġustifikat.

L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, filwaqt li rrikonoxxiet li l-istazzjon kien ta spazju lil Imperium Europa biex isemma l-veduti tiegħu f’diversi programmi, sabet li l-istess Imperium Europa fl-ebda mument waqt is-smiegħ ma kien ipprova b’mod konvinċenti xi istanza ta’ nuqqas ta’ rappurtaġġ. L-Awtorità għalhekk iddeċidiet li l-ilment ma kienx ġustifikat. L-Awtorità, madankollu, tħoss li min-naħa tiegħu l-istazzjon seta’ kien aktar pro-attiv u ħa aktar inizzjattiva biex a bażi tal-istqarrijiet u dak espress fil-media mill-istess Imperium Europa jippreżenta fl-aħbarijiet il-politika tal-istess partit dwar temi li dwarhom l-istess partit kellu opinjoni politika ċara.


22 ta’ Mejju 2019