PBS Ltd - News - 12 ta' Marzu 2013




Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar ilment mid-Deaf People Association tat-12 ta' Marzu 2013

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mid-Deaf People Association datat 12 ta’ Marzu, 2013 fil-konfront ta’ PBS Ltd. fejn ilmentat li fil-programmi ta’ PBS Ltd. matul il-kampanja tal-Elezzjoni Ġenerali l-istazzjon ma xandarx aħbarijiet għal dawk neqsin mis-smigħ.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Steve Mulvaney (President, Deaf People Association) u Keith Callus assistiti mill-interpretu Ms Sharon Grech fil-preżenza ta’ Annmarie Callus rappreżentanta tal-KNPD bħala osservatur u kif ukoll lil Dr Natalino  Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet u lis-Sur Reuben Zammit, Kap tal-Programmi tal-PBS Ltd. f’laqgħa li nżammet fit-2 t’April, 2013.

Is-Sur Mulvaney minn naħa tiegħu ikkontenda li oriġinarjament l-ilment kien jirrigwarda l-programm Xarabank li sa ftit qabel l-elezzjoni dan kien jinkludi interpretazzjoni permezz tal-lingwa tas-sinjali, liema servizz kien ġie imwaqqaf ħesrem.  Żied li meta kkuntatjati dwar dan l-iżvilupp il-PBS Ltd. iddikjarat li din il-miżura kienet ittieħdet minħabba issues ta’ finanzi, u minkejja li l-istazzjon kien wiegħed li s-sitwazzjoni kienet ser tkun retifikata dan fil-fatt ma seħħx.

Is-Sur Mulvaney qal illi l-programm Xarabank kien wieħed segwit mill-membri tal-Assoċjazzjoni peress li kien jixxandar f’ġurnata fejn iċ-ċentru tal-Assoċjazzjoni jkun miftuħ u l-membri jkunu preżenti biex isegwuħ u għalhekk is-servizz marbut ma’ dan il-programm kien ta’ importanza u utilità kbira.  Żied li bħal kull ċittadin ieħor il-persuni neqsin mis-smigħ kellhom dritt li jingħataw aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ bulettin tal-aħbarijiet speċjali, ippreżentat bil-lingwa tas-sinjali. 

Żied li xi drabi l-istazzjon kien ibiddel il-ħin tal-aħbarijiet skont l-esiġenzi tiegħu u dan mingħajr pre-avviż, liema aġir kien ta’ inkonvenjent kbir għall-membri li kienu jfittxu li jkollhom aċċess adekwat għall-informazzjoni.

Dr Natalino Fenech irrileva li dan il-każ ma kienx wieħed sempliċi u dan kemm minħabba raġunijiet finanzjarji u kif ukoll minħabba n-numru ristrett ta’ interpreti li kien qed ikun obbligat li jimpjega l-istazzjon.  Żied li dawn il-punti kienu ġew diskussi f’laqgħa li kienet saret mal-KNPD li minn naħa tagħha xtaqet li jiżdiedu l-programmi li jinkludu interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali.

Dr Natalino Fenech qal li l-introduzzjoni tas-sistema tat-ticker u l-iżvilupp fil-website kellhom jgħinu lil dawn il-persuni jaċċedu għall-informazzjoni.  In oltre issuġġerixxa li l-interpretu minflok ikun parti mill-produzzjoni tal-programm in kwistjoni, ikun preżenti fil-bini tal-Assoċjazzjoni waqt il-programm Xarabank.

Min naħa tiegħu s-Sur Mulvaney tenna illi mhux il-membri kollha kienu jattendu ċ-Ċentru u apparti hekk mhux il-membri kollha kienu jafu jaqraw.  Żied li l-preżenza ta’ interpretu fil-bini tal-Assoċjazzjoni ma kienx ikun effettiv peress li l-ambjent kien wieħed storbjuż.

Is-Sur Reuben Zammit qal li fil-fatt is-servizz tal-lingwa tas-sinjali abbinat mal-programm Xarabank kien waqaf f’Ġunju tal-2012.  Żied li minn dakinhar l-istruttura tal-istazzjon Education 22 kienet inbidlet u llum TVM2 huwa stazzjon kompletament differenti bl-identità u l-funzjoni tiegħu u għalhekk m’hemm l-ebda programm li jixxandar simultanjament fuq TVM u TVM2 kif kien jigri qabel fil-każ ta’ Xarabank meta kien għadu jxandar Education 22.

Is-Sur Zammit qal li rigward il-ħin tal-aħbarijiet kien normalment jinżamm u kien biss f’ċirkostanzi straordinarji bħal fil-każ ta’ xandiriet live li l-istazzjon kien jaddotta xi tibdil. 

Ms Annmarie Callus għalkemm fil-veste ta’ osservatur irrimarkat li l-liġi “Opportunitajiet Indaqs” kienet tagħmel referenza għal reasonable accommodation u in vista ta’ dan stazzjon ma setax ma jipprovdix aċċess a bażi tal-fatt li l-udjenza kienet magħmulha minn numru limitat ta’ persuni.

Mistoqsi mis-sedja x’kienet qed titlob l-Assoċjazzjoni, s-Sur Mulvaney qal li l-Assoċjazzjoni xtaqet li jkun provdut servizz tal-lingwa tas-sinjali fl-aħbarijiet, fil-programm Xarabank u fid-diskors tal-budget.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u tal-punti relevati mill-membri qablet li filwaqt li tapprezza t-talba tal-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ, hija ma setgħetx timponi aktar minn dak li tipprovdi l-Liġi dwar ix-Xandir.  L-Awtorità qieset dak li tgħid il-Liġi Sussidjara 350.32 – Kriterji tal-Għażla ta’ Servizzi tat-Televiżjoni b’Oġġettivi ta’ Interess Ġenerali u partikolarment dak li jgħid Paragrafu 5 jiġifieri li "Servizz ġeneralist televiżiv b’oġġettiv ta’ nteress ġenerali għandu jxandar mill-inqas 30 minuta ta’ programmi fil-ġimgħa li jkun aċċessibli għall-persuni li għandhom diżabiltà ta’ smigħ".  Ġie kkonfermat li l-istazzjon PBS Ltd. li dwaru sar l-ilment kien qiegħed jaderixxi ma’ dan l-obbligu skont il-liġi u għalhekk l-ilment tal-Assoċjazzjoni imressaq quddiem l-Awtorità ma setgħax jiġi milqugħ. Madankollu l-Awtorità ħasset li kellha tinkoraġġixxi lill-istazzjon tax-xandir pubbliku li jkompli jagħmel l-isforzi kollha tiegħu biex persuni neqsin mis-smigħ ikollhom l-aħjar servizz possibbli.

Illum 8 ta’ April, 2013