PBS Ltd - TVAM, Close-Up, Bondi+




L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Alternattiva Demokratika datata 18 ta’ Jannar rigward nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-programmi ta’ PBS Ltd. TVAM, Close-Up u Bondi+ u dwar il-ħin u l-mod ta’ parteċipazzjoni fil-programm Xarabank meta jsir dibattitu bejn il-leaders tat-tliet partiti ewlenin.

L-Awtorità semgħet lil-Perit Carmel Cacopardo u l-Professur Arnold Cassola li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-Alternattiva Demokratika u kif ukoll lil Dr Mark Vassallo u Dr Natalino Fenech Editur/Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon f’seduta li nżammet fit-22 ta’ Jannar 2013.

L-Alternattiva Demokratika sostniet li fil-każ tal-programm Xarabank l-istazzjon ma kienx qed josserva d-Direttiva tal-Awtorità meta waqt id-dibattitu bejn il-leaders tal-partiti l-Alternattiva Demokratika ma kienitx qed tingħata l-istess trattament kemm fir-rigward tal-ħin u kif ukoll fir-rigward tal-mod tal-parteċipazzjoni meta r-rappreżentant tagħha kien qed jitpoġġa fuq sufan u mhux fuq podium.

L-Alternattitva Demokratika qalet ukoll  li minn naħa l-oħra fl-aħħar ġimgħa u sa dakinhar l-Alternattiva Demokratika ma kienet irċeviet l-ebda stedina biex tattendi fil-programm TVAM filwaqt li l-ħin allokat fil-programmi Close-up u Bondi+ ma kienx adekwat u ma kienx jippermetti lill-istess Alternattiva Demokratika tipparteċipa f’diskussjoni bis-sens mal-mistednin l-oħra.  Żied li dan l-atteġġjament tal-istazzjon kien imur kontra d-Direttiva tal-Awtorità u għaldaqstant kellu jkun rimedjat.

Il-PBS Ltd. filwaqt li ppreżenta statistika rigwardanti l-programmi imsemmija sostna li minn din l-informazzjoni kien jidher li kuntrarjament għal dak li kien ġie sottomess qabel l-Alternattiva Demokratika kienet qed tingħata spazju konsiderevoli fuq l-istazzjon.  Żied li l-produtturi tal-istazzjon kellhom struzzjonijiet biex jistiednu rappreżentanti tal-istess Alternattiva Demokratika kull meta jkunu trattati temi li din kellha pożizzjoni dwarhom u għalhekk ma setax jifhem l-ilment tal-istess.

L-Alternattiva Demokratika sostniet li l-ħin allokat lilha f’dawn il-programmi kien limitat wisq saħansitra meta wieħed iqis l-interruzzjonijiet u l-kummenti li jsiru kemm mill-preżentatur u l-mistiedna l-oħra fl-istudjo.  Żiedet li t-telespettaturi kienu jistennew konfront tal-ideat bejn il-kontendenti u dan biex ikunu jagħmlu l-ġudizzju tagħhom. L-Alternattiva Demokratika kompliet tissottometti li wieħed kien jistenna li fil-konfront bejn il-leaders, ir-rappreżentant ta’ Alternattiva Demokratika jkun fuq podium bħall-leaders l-oħra u mhux fuq sufan fil-ġenb tas-sett.  In oltre l-ħin allokat u l-intervent tal-istess rappreżentant kellu jkun f’kuntest ta’ dibattitu mal-leaders l-oħra.

L-istazzjon ikkontenda li permezz tad-Direttiva tagħha l-Awtorità ma kienitx qiegħda tgħid li Alternattiva Demokratika kellu jkollha l-istess ħin tal-partiti l-oħra.

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkostatat illi fir-rigward ta’ ċerti programmi fuq PBS Ltd. l-ilment tal-Alternattiva Demokratika ma kienx ġustifikat.  L-Awtorità filwaqt li rriteniet li kellu jkun hemm distinzjoni bejn l-ammont ta’ ħin allokat lill-Alternattiva Demokratika fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista qablet li l-ħin allokat lill-Alternattiva fuq l-istazzjon pubbliku kien adekwat u li dan saħansitra kien jikkonforma mal-ħin allokat fl-iskema ta’ xandiriet politiċi mtella’ minnha stess.

Dwar il-mod ta’ parteċipazzjoni ta’ rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika fil-programm Xarabank, l-Awtorità qed tagħti struzzjonijiet lill-PBS Ltd. sabiex jinstab mezz kif f’dak li jirrigwarda l-preżentazzjoni, Alternattiva Demokratika tingħata l-istess opportunità kif jingħataw rappreżentanti ta’ partiti oħra u dan minkejja li l-ħin allokat jibqa’ ma jinbidilx.

30 ta’ Jannar 2013