Deċiżjoni rigward akkuża kontra PBS Ltd rigward il-programmi Magic Mornings imxandra bejn l-10 u l-14 ta’ Frar 2025
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra PBS Ltd, dwar programmi ‘Magic Mornings’, imxandra bejn l-10 u l-14 ta’ Frar 2025.
Is-smigħ ta’ din l-akkuża kien skedat għal nhar il-5 ta’ Mejju 2025 fejn għall-PBS dehru l-preżentaturi, s-Sur Jonathan Abel u s-Sur Arthur Caruana, kif ukoll is-Sur Keith Chetcuti bħala Kap Eżekuttiv. L-istazzjon kien assistit minn Dr Shaun Zammit.
Il-Kap Eżekuttiv irreferiet għall-programm ‘Magic Mornings’ u qalet li skond il-monitoraġġ kien hemm code-switching bi ksur ta’ Paragrafi 3 (a) u (f) tal-Kodiċi dwar l-Użu tajjeb tal-Ilsien Malti fix-Xandir (SL 350.10).
Is-Sur Jonathan Abel qal li dan il-programm ilu jsir, saħansitra bl-istess stil, u li din in-notifika saret għall-ewwel darba fl-għaxar snin li ilu jixxandar.
Dr Shaun Zammit kompla li filwaqt li l-pjattaforma u format baqgħu l-istess tul dawn l-aħħar 10 snin, it-tim ta’ produzzjoni qatt ma kien imċanfar b’mod ex ufficio. Għalhekk tenna li din l-akkuża kienet xokkanti għall-preżentatur.
Is-Sur Jonathan Abel qal ukoll li l-istil tal-programm jirrifletti s-sitwazzjoni tat-triq fejn illum il-ġurnata, meta tiltaqa’ ma’ persuna, taf ma twieġbekx kompletament bil-Malti.
Il-Kap Eżekuttiv saħqet li hi mxiet mad-dett tal-liġi minkejja dak li qed jingħad.
Is-Sur Arthur Caruana qal li l-preżentaturi se jitgħallmu minn dan u jkunu iżjed kawti.
Dr Shaun Zammit ikkonkluda billi qal li multa f’dan il-każ ma tkunx idonea.
Wara li l-partijiet, inkluż il-Kap Eżekuttiv, ħallew is-smigħ, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.
Il-Bord ikkunsidra l-ammissjoni, it-talba sabiex ma tingħatax il-multa kif ukoll id-determinazzjoni tal-preżentatur għal iżjed kawtela. In vista ta’ dan, filwaqt li laqa’ l-akkuża, il-Bord qed iwissi lill-istazzjon li se jkun hemm monitoraġġ ta’ dan il-programm bl-għan li jiġi żgurat li tiġi eżerċitata l-kawtela.
Smigħ 4_25
Ref.: 65/01
14 ta’ Mejju 2025